Żewġ żgħażagħ li fi żmien il-pandemija spiċċaw jaraw x’ser jivvintaw illum jinsabu jiffinalizzaw produzzjoni televiżiva li ser tolqot lil dawk kollha li jinteressawhom il-karozzi u l-motorsport.
Dawn huma Matthew u Fabian.
Flimkien fl-aħħar sena ħarġu bil-kunċett Revved u li permezz tiegħu se jwasslu produzzjoni li mhux biss tanalizza vetturi uniċi differenti iżda anke twaħħad sfidi differenti permezz tal-vetturi fost oħrajn.
Crew ta’ ONE News iltaqa’ magħhom f’Tal Maqluba fil-Qrendi fejn magħhom ġabu karozza li fl-Ewropa kollha hawn biss tnejn minnha.
Fl-isfond ta’ din il-karozza tkellimna ma’ Matthew hekk kif spjegalna kif nibtet l-idea għal dan il-programm.
Huwa qalilna, “Revved kien programm li ġie concieved bejni u bejn Fabian waqt li konna f’lockdown, konna bored u għidna ejja ħa niġu b’idea differenti biex ma nagħmlu programm li huwa bħal ħaddieħor. Ma rridux a magazine programme li huwa just riklam. Irridu nirrapreżentaw ix-xena tal-motorsport, inġibu naqra comedy value fih il-chemistry bejn u bejn Fabian nuruh u nużawh ħalli anke meta nagħmlu road test, ma nagħmlux bħalma jagħmel ħaddieħor.”
Min-naħa l-oħra Fabian spjegalna wkoll x’se jkun qed jinvolvi dan il-programm u wħud mill-karozzi prinċipali li se jidhru fl-ewwel sensiela.
Huwa spjegalna: “Għandna Supra Mark 5 suppost ġejja, għandna s-Celica GT4, għandna karozzi antiki bħal din il-Corona wkoll BMW 4 Series mill-ġodda hemm ħafn allaħares issemmihom kollha.”
Dan il-programm se jibda jixxandar fuq ONE mit-28 ta’ Settembru ’il quddiem kull nhar ta’ Tlieta fit-8:30pm.
Kull min huwa interessat li jaqra iktar dwar dan il-programm huwa mistieden iżur is-sit revved.eu jew inkella jżur il-paġna ta’ Facebook ta’ Revved.