L-MCAST se toffri l-opportunità lill-istudenti tagħha sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom permezz ta’ dottorat iffukat fuq ir-riċerka. Dan se jkun l-ewwel kors f’livell ta’ dottorat li se joffri dan il-kulleġġ, liema dottorat huwa pass importanti għat-tisħiħ tal-kulleġġ, u qiegħed isir b’kollaborazzjoni bejn l-MCAST, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u l-Fondazzjoni Richmond.
Fit-tnedija ta’ dan id-dottorat, intqal kif l-ekonomija Maltija dejjem qed tistaqsi għall-aqwa abilitajiet mill-ħaddiema tagħha, u għalhekk, l-MCAST se jkun qed jagħti t-tagħlim li hemm bżonn. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-MCAST se jkompli ikun miftuħ għal aktar nies, li issa jinkludu wkoll riċerkaturi.
L-Inġinier Alex Rizzo sostna li dan id-dottorat se jkun maqsum fuq ħames snin fuq bażi part-time u se jinvolvi wkoll xogħol mal-industrija kkonċernata.
Huwa qal ma dan l-istazzjon kif dan id-dottorat se jsaħħaħ ukoll livelli iktar baxxi ta’ edukazzjoni mill-istess kulleġġ.
Rizzo stqarr: “Il-letturi tagħna stess, li jafu jkunu kandidati tal-programm, jitgħallmu riċerka li wara japplikawha mal-istudenti anke f’livelli aktar baxxi. Il-kisbiet tar-riċerka jidħlu fil-materjali u t-tagħlim tal-livelli iktar baxxi wkoll. L-għerf jiġi trasferit mil-livelli baxxi.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo saħqet fuq l-importanza tal-MCAST fejn jidħol it-tagħlim tal-ħaddiema Maltin u l-impatt li għandhom dawn il-ħaddiema fl-intrapriżi żgħar u medji.
Hija qalet, “L-MCAST huwa pilastru importanti ħafna għall-ekonomija tagħna għalhekk irridu vera li l-ekonomija tkun iktar edukata u tiżviluppa b’mod li aħna nixtiequ li tmur fil-pajjiż tagħna, però aħna nirrappreżentaw ukoll l-intrapriżi żgħar u medji, nafu kemm huma imprenditorjali l-membri tagħna u nafu kemm għandhom moħħ imprenditorjali.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond, Stephania Dimech Sant sostniet li l-fondazzjoni qiegħda tħares ’il quddiem b’ottimiżmu lejn dan il-ftehim, hekk kif il-fondazzjoni se tkun qed toffri opportunitajiet ta’ esperjenzi edukattivi fid-dinja tax-xogħol lill-istudenti ta’ dan id-dottorat.
Dimech Sant sostniet: “Aħna onorati li ġejna magħżulin biex inkunu parteċipi f’din is-sħubija. Richmond bdiet tletin sena ilu bħala organizzazzjoni żgħira, illum hija organizzazzjoni ta’ daqs medju u r-riċerka għalina hija importanti ħafna.”