Il-pulizija qed timxi fuq it-teżi li l-armi u materjal suspettat splussiv li nstabu f’qiegħ il-baħar, f’Miġra l-Ferħa huma marbuta mal-aħwa tal-Maksar, Robert u Adrian Agius.
ONE News jinsab infurmat li mill-ewwel investigazzjonijiet, il-pulizija qed tipponta din is-sejba lejn l-aħwa tal-Maksar, li huma implikati f’każijiet kriminali kbar fosthom il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.
Hu mifhum li l-armi u l-materjal splussiv fost munizzjon ieħor instabu f’basktijiet apposta li jilqgħu għall-ilma.
Kien ONE News li żvela kif dalgħodu, f’Miġra l-Ferħa fl-inħawi tar-Rabat, kienet għaddejja operazzjoni tal-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija assistiti minn patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
ONE News kien fuq il-post u seta’ jara bugħaddasa fil-baħar filwaqt li kien hemm preżenza tal-pulizija mit-taqsima tar-Reati Maġġuri u anki tad-Distrett.
Fil-fatt il-pulizija għalqet l-aċċess għaż-żona biex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni.
Fi stqarrija l-pulizija qalet li ġiet infurmata li fiż-żona magħrufa bħala Miġra l-Ferħa, ir-Rabat, kienu ntlemħu xi armi f’qiegħ il-baħar.
It-tfittxijiet fil-baħar bdew ilbieraħ fit-tlieta u kwart ta’ waranofsinhar u damu sas-7:00 ta’ filgħaxija.
It-tfittxijiet komplew dalgħodu u ntemmu għall-ħabta tal-ħdax u nofs.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/21/aggornat-jinstabu-armi-u-materjal-suspettat-splussiv-fmigra-l-ferha/