Mis-sena d-dieħla l-Gvern se jirdoppja s-sussidju tal-kera, li bħalissa jingħata lil 1,400 familja.
Iġifieri sussidju li llum ivarja bejn €66.67 u €83.33, se jitla’ għal bejn €133,34 u €166,66.
Fl-istess waqt il-Gvern se jestendi l-kriterji, biex dawk li jibbenefikaw minn din il-miżura jirduppjaw, minn 1,400 għal 2,800.
Barra minn dan, il-Gvern se jsewwi emendi fil-Kodiċi Ċivili mdaħħla mill-Gvern preċedenti, u li bih il-kera minima ta’ postijiet mikrija mingħand il-Gvern jew l-Awtorità tad-Djar kienet qed togħla.
Bl-aġġustament t’issa iż-żieda fil-kera għal dawk li jagħlqilhom il-kuntratt mhux se tibqa’ tapplika, u se jintraddu lura ħlasijiet ta’ żieda fil-kera imposta fuqhom mill-elfejn u tlettax ’l hawn.
Il-kuntratti jridu jkunu rreġistrati. Filwaqt li sidien li jikru lil familji bi dħul baxx jidħlu f’kuntratt ta’ kera għal seba’ snin u jħallsu taxxa b’rata mnaqqsa ta’ ħamsa fil-mija fuq il-kirja.
Is-sena d-dieħla l-gvern jibda l-proġett ta’ €50 miljun fil-qasam tal-housing, filwaqt li jibda x-xogħol f’bosta oqsma tad-djar fi proġett li se jolqot iktar minn 200 qasam tad-djar u iktar minn erba’ t’elef familja.