Il-proġett ta’ riċerka li se jħares lejn l-istat tal-baħar ta’ madwarna msemmi Sea Marvel se jkollu l-għan li mhux biss jagħmel rapport dettaljat dwar l-ibħra tagħna, iżda li jagħti wkoll soluzzjoniijet għall-problemi li jistgħu jinstabu, sabiex l-ekosistema delikata tal-baħar Mediterran tiġi mħarsa.
Fil-fatt il-baħar tagħna forsi mhux miżgħud iżda fih diversi ħlejjaq il-ġmiel tagħhom, bħal dniefel u fkieren.
Dawn il-ħlejjaq ilkoll jinsabu fil-periklu iżda il-proġett Sea Marvel, li qiegħed isir b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u dik ta’ Katanja qiegħed jimmira wkoll għal mewġa ta’ bidla fejn jidħlu s-sajd u t-tniġġis fost l-oħrajn biex jipproteġi għadd ta’ ħlejjaq.
ONE News tkellem mar-riċerkatur Dr Noel Vella, li huwa riċerkatur fuq dan il-proġett, fejn spjega kif se tinġabar l-informazzjoni fuq l-ibħra tagħna.
Spjega, “Prattikament huwa proġett ibbażat fuq riċerka li minnu se niġbru informazzjoni b’mod innovattiv dwar l-ibħra fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’mod speċjali madwar Malta u anke Sqallija u permezz ta’ din ir-riċerka inkunu nistgħu nifhmu aħjar l-istat tal-ambjent fiċ-ċentru tal-Mediterran.”
Huwa sostna kif dan il-proġett se jħares lejn il-baħar minn diversi angoli apparti l-ambjent, fosthom lejn l-aspett soċjo-ekonomiku tal-baħar, li huwa s-sors ta’ għajxien għal diversi sajjieda.
Dr Vella qal li l-proġett se jħares lejn oqsma varji tal-baħar, fosthom l-invażjoni tal-ispeċi aljeni fl-ibħra tagħna u t-tniġġis f’kull livell tal-plastik fil-baħar.
Qal, “L-ewwel ħaġa l-proġett għandu diversi oqsma ta’ riċerki li se jħares lejhom. Waħda mill-oqsma hija, bħal ma qed nisimgħu diversi drabi, il-problema bi plastik u nixtiequ li jkun hemm moniteraġġ aħjar tal-plastik fl-ibħra Maltin, jiġifieri mhux biss dak li jidher fuq ix-xtut imma fil-baħar innifsu.”
Ir-riżultati ta’ dan il-proġett se jservu biex il-pubbliku jiġi edukat dwar dawn l-isfidi, sabiex il-kultura lejn il-baħar tinbidel għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet preżenti kif ukoll dawk futuri.
Informazzjoni u ritratti: Prof. Adriana Vella, Koordinatur tal- proġett SEA MARVEL
email: adriana.vella@um.edu.mt