Patri Mark Montebello għadu kif nieda l-bijografija xjentifika bit-titlu The Tail that Wagged the Dog: The life and struggles of Dom Mintoff dwar l-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista, il-Perit Duminku Mintoff.
Il-bijografija ta’ madwar sitt mitt paġna, hija l-ewwel tax-xorta tagħha dwar il-Perit Mintoff u tagħti ħarsa fid-dettal tal-ħajja ta’ dan il-ġgant fil-politika.
Din il-bijografija ma tieqfax biss mal-aspett politiku fil-ħajja tal-Perit Mintoff iżda tidħol ukoll fil-ħajja personali li mhux daqstant hija magħrufa.
Qal, “Ħafna nies jafu ħafna affarijiet fuq il-Perit Mintoff, imma ma daħlux la fil-fond u lanqas ma jaraw il-ħajja tiegħu fil-firxa kbira tagħha, dan qed nitkellmu fuq mitt sena.”
Il-bijografija li bdiet tiġi riċerkata lura fl-2013 saret kollha minn sorsi primarji fosthom intervisti mal-qraba ta’ Duminku Mintoff.
L-awtur Mark Montebello innota l-fatt li l-ħajja fil-politika tal-Perit Mintoff seħħet tul il-Gwerra Bierda kollha. Dan il-fatt jagħmel il-karriera politika tiegħu aktar interessanti fi żmien ta’ turbulenzi politiċi internazzjonali.
Spjega, “Dan huwa żmien interessanti, għanndek persuna kumplessa ħafna u interessanti ħafna biex tidħol fil-moħħ tagħha fi żmien tant kumpless, tant kumplikat u f’Malta li qeda titwieled mill-ġdid fl-istat modern tagħha.”
Id-Direttur Eżekuttiv tal-pubblikaturi SKS Joe Borg innnota kif lura fl-2012 Patri Montebello kien magħżul minn għadd ta’ kandidati għal kitba ta’ din il-bijografija. Qal ukoll li Montebello kellu aċċess għall-arkivji u dokumenti interni tal-Partit Laburista.
Il-bijografija tista’ tinkiseb mis sit ta’ SKS jew mill-ħwienet tal-kotba mill-bidu ta’ Lulju.