Wara li sena ilu tħabbret ir-riforma fl-eko-kontribuzzjoni, sal-aħħar ta’ din is-sena se tkun twettqet kompletament din ir-riforma. Tħabbret t-tneħħija ta’ din it-taxxa minn fuq il-batteriji, is-saqqijiet, id-deterġenti, it-toiletries, il- filters tal-vetturi. kif ukoll oġġetti u kontenituri tal-plastik użati fil- kċina. Għalhekk, uħud minn dawn il-prodotti mistennija jorħsu fil- prezz.
Bħala parti mir-responsabilità ambjentali, il-Gvern ħass li għalkemm l-eko-kontribuzzjoni fuq il-prodotti qed titneħħa, hemm bżonn qafas leġiżlattiv aktar effettiv għat-toiletries u anke għall- batteriji minħabba l-konsum sinifikanti tagħhom.
It-toiletries se jidħlu fir-reġim tas-sisa mill-1 ta’ Jannar 2017 sabiex l-importaturi konċernati jkollhom ċans jaġġustaw għas-sistema l- ġdida. Din is-sistema se tkun aktar ġusta kemm mil-lat ambjentali, kif ukoll minn dak kummerċjali, għax it-taxxa relattivament żgħira se tkun applikabbli fuq il-volum tal-prodott.
Minn għada, is-sisa fuq il-boroż is-suwed tal-iskart li ma humiex bio-degradable se tiżdied sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkun imħeġġeġ jirriċikla iktar l-iskart fil-boroż il-griżi u l-ħodor. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar kif ukoll il-boroż is-suwed bio-degredabbli se jibqgħu kompletament eżentati mit-taxxa tas-sisa.