Il-Partit Nazzjonalista, għar-raġunijiet li jaf hu, mhux iħalli ċertu kandidati tiegħu jwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li qed isiru f’konferenzi online fejn il-ġurnalisti ma jkunux fiżikament preżenti fejn ikunu qed isiru l-konferenzi tal-aħbarijiet.
F’waħda mill-aħħar konferenzi li organizza l-Partit Nazzjonalista tkellmet il-kandidata Nazzjonalista Josephine Xuereb dwar Għawdex, iżda meta mistoqsija dwar ċifri żbaljati li qed isemmi l-Partit Nazzjonalista dwar in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin, deher evidenti li Xuereb ma kinitx se twieġeb.
Aktar u aktar li maġenbha kien hemm id-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li wkoll kien qal ċifri ħżiena dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Evidentament imbarazzat, Chris Said ma ħalliex lil kandidata Nazzjonalista twieġeb u minflok ried jaqbeż hu.
Minn tagħrif parlamentari li ta l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, ħareġ li kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, l-ammont ta’ Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess żdied bi kważi 4,000 mill-2012 lil hawn.
Dan meta l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu żdied b’5,000, li jfisser li erbgħa minn kull ħames impjiegi miżjudin taħt Gvern Laburista kienu f’Għawdex stess.
Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li kien qed iseħħ taħt Gvern Nazzjonalista.
Fil-fatt bejn l-2010 u l-2012 kienu żdiedu b’500 l-ammont ta’ Għawdxin jaħdmu, jew medja ta’ 250 fis-sena.
Dan kontra medja ta’ kważi 750 kull sena taħt Gvern Laburista, jiġifieri tliet darbiet aktar.