L-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment tat-Tindif iffirmaw ftehim fuq medda ta’ tliet snin bil-għan li jsir tisbiħ u manutenzjoni tal-binjiet tal-Aġenzija Sapport.
F’konferenza fiċ-Ċentru tal-Aġenzija Sapport fi Fleur-De-Lys, intqal kif il-proġett ser igawdu minnu ‘l fuq minn ħames mija u ħamsin persuna b’diżabilità li jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta’ Aġenzija Sapport.
Ramon Deguara, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni innota kif diġà bdew xi xogħlijiet f’diversi djar.
Qal, “S’issa saru xogħlijiet fi tliet djar waħda Baħar iċ-Ċagħaq, hawnhekk fejn qegħdin issa illum u oħra f’Ħal Far. Kien hemm bżonn kbir ta’ din il-manutenzjoni u għalhekk qegħdin nagħtu s-sapport tagħna għaliex ir-residenti ħaqqhom ħafna aħjar.”
Minn naħa tagħha il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras saħqet kif mad-Dipartiment tad-Tindif u l-Manutenzjoni diġà saret ħidma sfieqa u permezz ta’ dan il-ftehim din il-ħidma ser tkompli.
Spjegat, “Huma ħadmu ħafna fiċ-Ċentri tagħna u anki għal li ġej ser jaħdmu anki fid-djar residenzjali tagħna biex b’hekk anki jagħmlu l-kwalità tal-ħajja aħjar għal ħaddiema tagħna u għal persuni b’diżabbilità li jattendu kemm iċ-ċentri tagħna u kemm id-djar residenzjali tagħna.”
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Inkulużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli fejn saħqet li permezz ta’ dan il-ftehim ser titjieb il-kwalità ta-ħajja ta’ kull min iżur dawn iċ-ċentri.
Intant, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Deo Debattista, innota li dan il-ftehim huwa wieħed minn sensiela intiżi biex joħloqu kuxjenza fuq l-indafa pubblika.