Il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda konsultazzjoni pubblika rigward l-istrateġija għat-Tagħlim Matul il-Ħajja.
Din l-istrateġija hija msejsa fuq erba’ pilastri li huma: it-titjib tal-opportunitajiet edukattivi għal dawk li huma f’riskju ogħla ta’ qgħad, faqar u esklużjoni soċjali, id-diversifikazzjoni tal-metodi u l-opportunitajiet għat-tagħlim kif ukoll sistema ta’ gwida ta’ kwalità għolja fuq il-korsijiet.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, innotat kif il-prinċipju wara din l-istrateġija huwa dak tal-ġustizzja soċjali fejn kulħadd ikun offrut edukazzjoni xierqa lil hinn mill-età tal-persuna.
Innotat li r-responsabbilità tal-Gvern f’dan kollu hija li tingħata l-opportunità lil kull min għandu x-xewqa li jkompli jeduka ruħu.
Semmiet ukoll kif il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet din l-istrateġija li ser tkompli tħarreġ lil ħaddiema, speċjalment waqt ir-riġenerazzjoni ekonomika li qed jagħmel il-Gvern.
Il-Ministru Caruana stqarret: “Allura qegħdin nenfasizzaw fuq l-importanza li wieħed jitgħallem matul ħajtu però wkoll anki fil-kuntest ekonomiku li noffru opportunitajiet ta’ żvilupp tal-ħiliet qed nitkellmu fuq l-upskiling u reskilling u ukoll ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-esperjenza ukoll fl-edukazzjoni informali.”
L-Uffiċjal Edukattiv tat-Tagħlim Matul il-Ħajja, Christianne Fenech, innotat kif it-tagħlim għall-adulti jrid ikun interpretat b’mod differenti u dan huwa dak li l-istrateġija hija mmirata li tagħmel. Innotat kif l-istrateġija mnedija illum għal għaxar snin li ġejjin ser tkun qed tibni fuq dik preċedenti.
Christianne Fenech iddeskirviet din l-istrateġija hija waħda progressiva u ambizzjuża f’dak li tixtieq tikseb: “Din l-istrateġija li qegħdin inniedu illum hija waħda progressiva u inklussiva, tara li kulħadd ikollu opportunità ta’ tagħlim ta’ kwalità u ma tinsa lil ħadd barra.”
Il-Ministru Caruana ħeġġet lil kull min jixtieq biex jressaq l-ideat u l-kontribuzzjonijiet tiegħu waqt din il-konsultazzjoni pubblika permezz tas-sit tal-konsultazzjonijiet pubbliċi.