Il-Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl ħabbret li s-somma miġbura b’risq ALS Malta mill-kunċert li sar fis-27 ta’ Awwissu laħqet il-ħmistax-il elf ewro.
Suċċess li qalet ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ ħafna.
Il-kunċert “Inmates for ALS” kien organizzat fuq idea ta’ numru ta’ priġunieri residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-kunċert sar fl-Inspire f’Marsaskala, fejn indaqqu għall-ewwel darba żewġ kanzunetti miktuba minn żewġ priġunieri: Nixtieq ta’ Jonathan Coleiro u Understand ta’ Tristan.
Ħadu sehem diversi kantanti, fosthom Christabelle, Destiny, Chiara, Brooke, Mary Spiteri u Mike Spiteri, flimkien ma’ kantanti oħra li se jkunu akkumpanjati minn ‘band’ live taħt id-direzzjoni tas-Surmast Joe Brown.
Il-Fondazzjoni rringrazzjat lill-isponsors, għax bl-għajnuna tagħhom tħallsu l-ispejjeż kollha; lill-kantanti u mużiċisti li offrew is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas; lill-Inspire li mingħajr ħlas offrew l-ispazju fejn seta’ jsir il-kunċert u lill-mezzi tax-xandir li xandru l-kunċert mingħajr ħlas. Irringrazzjaw lid-direttur tal-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin u lill-uffiċjali kollha li mhux biss għenu biex dan il-kunċert ikun success imam għamluh ukoll tagħhom. Irringrazzjat lill-grupp ta’ residenti li ħadmu għal-ġimgħat sħaħ għal dan is-suċċess.
Il-Fondazzjoni awgurat li l-flus miġbura jgħinu biex tkompli l-ġlieda kontra l-marda tal-ALS, bit-tama li tinstab kura.