F’laqgħa mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern qed jestendi l-miżura tat-tnaqqis tat-taxxa tal-boll għal proprjetajiet sal-valur ta’ €400,000.
Saħaq li din il-miżura ġiet estiża għal dawk li jiffirmaw konvenju sal-aħħar ta’ din is-sena u sussegwentament jiffirmaw il-kuntratt tax-xiri tal-proprjetà sa Ġunju tas-sena d-dieħla.
Fiċ-ċentru ta’ negozju tal-Grupp AX, il-Prim Ministru qal lill-membri tal-MDA, li dak li jirrappreżentaw l-iżviluppaturi huwa settur importanti u li jikkontribwixxi b’mod b’saħħtu ħafna lejn l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru Dr Robert Abela rrimarka s-suċċessi li għamel pajjiżna f’diversi oqsma bħas-settur tas-saħħa, l-enerġija u l-edukazzjoni fost oħrajn, filwaqt li rrimarka kemm is-settur tal-kostruzzjoni jrid ikun preparat għall-pass li jmiss.
“Nemmen li s-settur tal-ambjent u dak tal-iżvilupp jistgħu jgħixu flimkien f’sinerġija u jikkumplimentaw lil xulxin. Fil-viżjoni ekonomika dejjem rajna dan il-bilanċ bejn it-trasformazzjoni ambjentali u dak tal-iżvilupp. Dak li wasalna għalih fl-enerġija, irridu naslu għalih fil-kostruzzjoni”, saħaq il-Prim Ministru.
Fakkar kif jekk qabel konna rridu nilħqu l-medja, issa rridu nilħqu l-eċċellenza, hekk kif ġie elenkat fit-tnedija tal-viżjoni ekonomika għall-għaxar snin li ġejjin.
Dr Abela qal li l-MDA dejjem kienet preżenti bi proposti kostruttivi waqt pandemija biex titjieb il-ħidma ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Qal li l-proposti li ġew imnedija fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ntlaqgħu bi ħġarhom u ħallew il-frott tagħhom.
Hawnhekk il-Prim Ministru semma l-miżura t’għajnuna tal-Gvern għall-qalba tal-makkinarju tal-kostruzzjoni li jaħdem b’iżjed effiċjenza u jniġġes inqas.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-proposti tal-Assoċjazzjoni intlaqgħu mill-Gvern u wasslu għar-riżultati.
Huwa ppreżenta studju li jagħraf li l-bejgħ u x-xiri tal-propjetà żdied b’valur ta’ €1.4 biljun matul din l-aħħar sena.
Żied li l-industrija tal-kostruzzjoni firxet ħafna ġid u li matul il-pandemija din l-industrija ħadmet ’il fuq minn 40,000 ruħ.
“Kieku ma konniex reżiljenti u ma qlibniex l-isfidi f’opportunitajiet, bħalissa kien ikollna 40,000 ruħ fir-riskju li jitilfu xogħolhom,” tenna s-Sur Chetcuti.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Aaron Farrugia, Ian Borg u Clyde Caruana flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Agius.