Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer ġie maħtur mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi bħala n-negozjatur fuq ir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-istandards fir-riċeviment ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali.
Cyrus Engerer qal li hu onorat li fi żmien daqstant qasir fil-Parlament Ewropew ġie fdat mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fuq file ieħor relatat mal-immigrazzjoni.
“Għal Malta kull proposta dwar l-immigrazzjoni hi importanti ħafna u għaldaqstant, onorat li fi żmien qasir fil-Parlament Ewropew qiegħed ningħata dan l-irwol fil-Kumitat LIBE mill-Grupp tas-Soċjalisti biex nieħu ħsieb in-negozjati dwar file ieħor fuq l-immigrazzjoni.”
Engerer fakkar li ftit ġimgħat ilu nħatar in-negozjatur fuq il-politika u l-liġi għall-immigrazzjoni legali fl-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu Cyrus Engerer reġa fakkar li l-fruntiera tal-Unjoni Ewropea hi fruntiera komuni u li l-ebda pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea ma għandu jitħalla jaffaċċja din l-isfida waħdu. Hu qal li l-Parlament Ewropew tkellem b’saħħa dwar dan is-suġġett u issa wasal iż-żmien li l-Istati Membri jonoraw dak li diġa qablu dwaru – il-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni.