Malta ser tkun qed ittella’ proġett ta’ riċerka dirett fl-ispazju sabiex tkun studjata l-atmosfera spazjali fuq pajjiżna.
Dan bħala parti minn pakkett ta’ inizjattivi li ser ikunu qed isiru sabiex pajjiżna jibda jisfrutta l-opportunitajiet li jġib miegħu s-settur spazjali. Għal dan il-għan ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-innovazzjoni u l-Università ta’ Malta. Il-Professur Christian Zarb Adami spjega kif dan il-ftehim iġib miegħu żewġ inizjattivi prinċipali.
Huwa qal, “Ħa ntellgħu bużżieqa tal-helium u ntellgħuha kważi erbgħin kilometru fl-ispazju fuq Malta biex nistudjaw il-kimika tal-atmosfera and the environmental conditions ta’ Malta, the atmosphere fuq Malta. U it-tieni startup competition ta’ entitajiet lokali kummerċjali biex jekk ikollhom ideat fis-settur tal-ispazju jistgħu jippreżentawha fil-futur anke għall-European Space Agency u fuq medda internazzjonali.”
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, laqa’ b’sodisfazzjon dan il-ftehim għat-twessigħ tar-riċerka fil-qasam spazjali. Il-Ministru għall-innovazzjoni Owen Bonnici stqarr kif pajjiżna ser jara li jisfrutta kull opportunità li jġib miegħu. Fost l-oħrajn spjega kif dan il-ftehim ser jara li jiżdied l-għarfien dwar dan il-qasam u l-opportunitajiet li jġib miegħu.
Il-Ministru Bonnici sostna: “Sa qabel l-aħħar ta’ din is-sena ser inkunu varajna strateġija li tmexxi l’quddiem il-viżjoni ta’ Malta fejn jidħol dan is-settur, però sakemm naslu s’hemm qiegħdin inniedu tliet inizjattivi importanti, fosthom li għall-ewwel darba f’Malta ser titla’ xi ħaġa għal skopijiet ta’ riċerka fejn jidħol l-ispazju.”