Il-proġett ta’ moniteraġġ fuq il-livell taz-zokkor fuq tfal sa sittax-il sena li għandhom id-dijabete tat-tip wieħed se jibqa’ għaddej b’mod indefinit.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa sostna dan fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar.
Huwa qal, “Irrid ngħid li dan il-proġett pilota tal-glucose monitors kien suċċess u allura mill-ewwel t’Awwissu meta kien programmat li jispiċċa dan il-programm ħa jkompli għaddej b’mod kontinwu.”
Il-programm bħalissa qed jgawdu minnu mal-mija u sittin persuna li huma dipendenti fuq l-insulina.
Il-proġett li beda fi Frar, intlaqa’ b’mod tajjeb ferm u intweriet ix-xewqa biex dan il-proġett ikompli għaddej hekk kif kien bħala proġett pilota.
Permezz ta’ dan is-servizz dawn il-persuni m’għandhomx għalfejn joqogħdu jtaqqbu aktar f’subgħajhom biex jaqraw il-livell taz-zokkor.
L-Uffiċċjal Mediku fl-Ministeru tas-Saħħa, Dr Dennis Vella Baldacchino qal li permezz ta’ dan il-moniteraġġ, il-livell taz-zokkor tal-persuni ikun aħjar u skont mitlub minn saħħet il-bniedem.
Huwa sostna: “Kien hemm aktar kuxjenza għax meta bniedem qed jiekol qed jara immedjatament għax qed jara l-livell taz-zokkor jirrifletti dak li qed jiekol allura qed jikkontrollaw dak li qegħdin jieklu.”
Innota ukoll kif it-tobba raw avvanz fil-livelli tal-pazjenti kollha minħabba dan il-moniteraġġ: “Li nistgħu ngħidu, li anki bħala tobba raw f’kollha titjib fil-livell tad-demm taz-zokkor hemm dak it-test tad-demm li ngħiduli l-HBA1C li huwa test serju li jgħidlek il-livell eżatti taz-zokkor kif inhu u dawk tjiebu fil-parteċipanti kollha.”
Intant, l-Assoċjazzjoni Maltija Kontra d-Dijabete, ffurmata minn persuni u qraba ta’ min għandu d-dijabete laqgħet din l-aħbar sabiħa.
Il-President tal-Għaqda Chris Delicata nnota kif il-parteċipanti esperjenzaw titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom u laqa’ l-fatt li dan il-proġett ta’ moniteraġġ issa mhux se jibqa’ bħala proġett pilota iżda wieħed li se jibqa’ għaddej.
Is-Sur Delicata stqarr: “Ir-reazzjoni tagħna hija waħda pożittiva, f’dawn l-aħħar sitt xhur rajna t-tibdil fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal mill-età ta’ sittax-il sena ‘l isfel. Titjib fil-kontroll tad-Dijabete tagħhom, titjib anke fl-andament tal-ħajja tagħhom.”