Il-Prim Ministru Robert Abela kellu appell b’saħħtu għall-għaqda dwar kwistjoni li taffettwa l-ħolqien tal-ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.
F’intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru tkellem dwar il-ġid li ħareġ mill-programm ta’ residenza.
Qal, “Meta tara dak li ġie mġemma għal xiex intuża, intuża waqt il-pandemija, intuża biex stajna nagħtu ħames miljun ewro lil Puttinu Cares b’żieda m’ammonti oħra biex setgħu jinvestuhom f’appartamenti biswit il-Great Ormond Hospital għall-cancer patients, dan il-proġett ta’ 8 miljun ewro li qed nitkellmu dwar kura paljattiva, jiġifieri l-iktar mument diffiċli li qatt jista’ jkollok f’ħajtek.”
Il-Prim Ministru appella lill-Oppożizzjoni biex dwar xi ħaġa bħalma huwa l-programm ta’residenza, li jħalli fondi li jistgħu jintużaw għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi, ikun hemm qbil u ma tħallix l-għamad politiku jaħdem kontra l-ġid tan-nies.
Spjega, “Fuq temi bħal din meta qed naraw il-ġid li qed jinħoloq ejja jkollna pożizzjoni, hemm tant fuq xiex niddibattu, min għandu l-aqwa viżjoni għall-pajjiż, min qed jara, fejn qed naraw lil Malta fl-għaxar snin li ġejjin. Min għandu l-aqwa kredenzjali biex jieħu l-pajjiżna ’l quddiem imma imbagħad fejn hemm il-ġid nemmen li għandu jkollna pożizzjoni komuni, Gvern, Oppożizzjoni u Soċjetà b’mod sħiħ, biex b’hekk nibqgħu nagħmlu l-ġid għal dan il-pajjiż b’mod sħiħ li kollha kemm aħna nħobbu.”
Fl-istess ġurnata li l-Partit Laburista tella’ maratona ġbir ta’ fondi, il-Mexxej Laburista tenna dwar l-importanza li l-Partit Laburista fil-Gvern jibqa’ b’saħħtu biex ikompli joħroġ b’iżjed ideat anke b’mod indipendenti mill-Gvern.
Qal, “Dawn l-aħħar snin ukoll waqt li qegħdin fil-Gvern bqajna niġġeneraw lilna nfusna, nattiraw talent ġdid, nies ġodda, uċuħ ġodda, professjonisti, ħaddiema tal-id, kandidati ġodda. Hemmhekk tara kemm għandek partit ħaj. Partit ħaj ifisser dak il-Partit li qed joħroġ b’ideat ġodda għall-pajjiż.”