It-turisti li għandhom aktar minn ħamsa u sittin sena u li jqattgħu minimu ta’ ħmistax-il lejl f’pajjiżna, se jkunu qed jingħataw mitt ewro voucher mill-Gvern Malti.
Dan propju tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fejn saħaq li din l-iskema b’investiment ta’ miljun ewro tikkumplimenta l-ħidma tal-Gvern fl-irkupru tas-settur turistiku f’pajjiżna.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru Bartolo spjega kif se taħdem eżatt is-sistema ta’ din l-iskema.
Qal, “il-vouchers se jitqassmu billi jingħataw barcode lit-tour operator u din tingħata lit-turist li jkun ġej f’pajjiżna u la darba jiġi Malta jmur bil-barcode flimkien mat-ticket tal-ivjaġġar tiegħu u anke l-passaport f’wieħed mit-tourism officces li għandna f’pajjiżna jew MIA jew Belt Valletta u hemmek isiru verifiċi li hemm bżonn u dawn jinbidlu f’barcodes f’pajjiżna.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll kif l-iskema, li hija wkoll magħrufa bħala tal-long stay tourists, mistennija tħalli fl-ekonomija ta’ pajjiżna ftit inqas minn ħames miljun ewro.
Preżenti, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal kif skemi simili se jattiraw aktar turisti lejn pajjiżna fix-xhur tax-xitwa.
Saħaq, “dawn l-iskemi li qed inwettqu fl-aħħar xhur u ġimgħat huma intiżi sabiex naturalment jixprunaw aktar turiżmu lejn pajjiżna f’dan il-perdjodu ta’ rkupru però wkoll huwa ntiż sabiex jixpruna t-turiżmu mhux biss fis-sajf iżda fis-shoulder months u x-xhur tax-xitwa.”
Intant, din l-iskema se tgħodd għal dawk it-turisti anzjani li se jżuru Malta bejn il-ħmistax ta’ Ottubru u d-dsatax ta’ Diċembru.