Żgħażagħ Laburisti ħabbru li għall-ewwel darba, f’Ottubru tal-2021, Malta se tkun qed tospita l-15-il Kungress taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej (YES). Dan wara sejħa bejn l-organizzazzjonijiet membri tal- YES. Issottomettew l-interess tagħhom ukoll il-Labour Youth tal-Irlanda.
Fi stqarrija Żgħażagħ Laburisti spjegaw li l-Kungress hu l-ogħla organu fi ħdan din l-organizzazzjoni u jsir kull sentejn u li jikkonsisti f’diskussjonijiet politiċi. Matul dan il-Kungress jittieħdu deċiżjonijiet politiċi importanti, fosthom fir-rigward tat-tmexxija tal-YES u l-adozzjoni ta’ policies. Matul dawn l-aħħar snin, iż-Żgħażagħ Laburisti ospitaw numru ta’ laqgħat Internazzjonali f’Malta fosthom il-Bureau tal-YES fl-2017 u l-akbar avveniment tal-Għaqda Internazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti – il-IUSY World Festival –fl-2014.
Il-votazzjoni saret wara li tlaqqa’ il-Bureau taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej fis-6 ta’ Ġunju 2021.
Fis-sejħa t’interess, iż-Żgħażagħ Laburisti enfassizzaw dwar l-importanza li dan il-Kungress ikun wieħed li jħares lejn futur ibbażat fuq il-prinċipji soċjo-demokratiċi u li jħarsu lill hinn mill-pandemija tal-Covid-19.
Intant, il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja ġie elett Viċi President taż-Żgħażagħ Soċjalisti Ewropej u se jkun l-ewwel Malti li jokkupa din il-kariga fil-YES. Huwa se jkun responsabbli mill-portafoll tas-sostenibilità.