L-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-proġett tad-DB f’Pembroke bi tnaqqis konsiderevoli fl-għoli tal-bini.
Fil-fatt l-għoli tal-bini tat-torri b’appartamenti naqas b’aktar bin-nofs (57%) u l-għoli tal-lukanda naqas bi 12%.
L-ispazju miftuħ għall-pubbliku mbagħad żdied bid-doppju, minn kważi tliet elf u erba’ mitt metru kwadru għal ftit aktar minn ħamest elef metru kwadru.
Fi stqarrija l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li karatteristiċi ta’ valur storiku se jinżammu fis-sit bħal ma huma l-barracks militari u se jerġgħu jingħataw id-dehra oriġinali li kellhom lejn nofs is-seklu dsatax.
Intqal ukoll li minkejja li hemm ammont konsiderevoli ta’ fond ta’ ħamrija mal-għar ta’ Ħarq Ħammiem, it-tħaffir se jkun wieħed minimu fuq dan il-proġett.
L-iżviluppatur irid ukoll jikkontribwixxi ħamsin elf ewro għall-fond tal-artisti filwaqt li mal-miljun u tliet mitt elf ewro li jidħlu mill-proġett iridu jmorru għall-inizjattivi ta’ fejda fil-komunità, l-aktar lejn dik ta’ Pembroke.
Ix-xogħlijiet fi Triq ix-Xatt fejn il-bajja ta’ San Ġorġ ma jistgħux isiru fis-sajf u qatt ma għandu jitneħħa l-aċċess pubbliku għall-bajja.
B’dan il-proġett, li jinkludi wkoll supermarket, se titla’ lukanda ta’ kważi erba’ mitt sodda u kważi mija u tmenin appartament residenzjali.