Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li se ssir nhar il-Ħadd li ġej.
Bit-tema ‘Ninvestu fin-Nies’ din il-maratona se tkun ħdax-il siegħa ta’ attivitajiet, fejn se jieħdu sehem ukoll id-deputati Laburisti.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, George Azzopardi sostna li din is-serata mhix waħda li wieħed jitlef.
Hu spjegalna: “Għaddejjin l-aħħar preparamenti sabiex il-Ħadd li ġej ikollna maratona ġbir ta’ fondi. Se nibdew f’nofsinhar u nibqgħu għaddejjin sa tard filgħaxija, sal-ħdax ta’ filgħaxija u nħeġġu lil dawk kollha li qed jismgħuna sabiex ikunu magħna waqt din is-serata. Se jkollna serata twila ħafna mimlija affarjiet sbieħ u nħeġġu lil dawk kollha li qed jismgħuna sabiex jagħtu l-kontribut tagħhom lill-Partit Laburista.”
Huwa appella sabiex in-nies jagħtu kif jistgħu, il-kontribut tagħhom, hekk kif huwa l-ftit tal-ħafna li jżommu dan il-Partit miexi ‘l quddiem.
Is-Sur Azzopardi sostna: “Il-ħidma tal-Partit dejjem tiddependi fuq id-donazzjonijiet tal-membri tagħna. Irrid nirringrazzja dawk kollha li ħadmu sal-ġurnata tal-Ħadd li se jkunu qegħdin jaħdmu wkoll il-Ħadd li ġej sabiex il-ġabra tkun waħda sodisfaċenti u l-Partit ikompli bil-ħidma tiegħu.”