Il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech ma jafx hux ser iżomm il-powerstation tal-gass jekk ikun fil-Gvern. Hekk stqarret kandidata tal-Partit Nazzjonalista, Rebekah Cilia li staqsejniha jekk fl-opinjoni tagħha il-Partit Nazzjonalista għandux jibqa’ juża l-powerstation li taħdem bil-gass li tant ilu jikkritika.
Madankollu, evidentament mifxula u wara li kellha bżonn ftit ħin biex taħseb x’ser tgħid, hija qalet biss li l-Partit Nazzjonalista ma daħalx f’dak id-dettall.
Il-ġurnalist staqsa, “Illum anke waqt din il-konferenza komplejtu tattakkaw il-powerstation tal-Electrogas, allura jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern fl-opinjoni tiegħek għandu jieqaf juża din il-powerstation tal-gas.
David Agius qal, “Rebekah?” u Rebekah wieġbet, “F’idi. Mela, aħna qed ngħidu li jkollna sors li huwa l-irħas. M’għidniex li ser inwaqqfu l-powerstation, ma dħalniex f’dak id-dettall.”
Wara li l-ġimgħa li għaddiet fil-programm XTRA deher għal kollox evidenti li d-deputat Ryan Callus u l-Partit Nazzjonalista jrid iżid il-kontijiet tan-negozji u jipperikola x-xogħol ta’ tant familji, issa prova jiġbor ġieħu. Minflok huwa qal li l-Partit Laburista qed iġib skuża u jitkellem biss għal negozji kbar u jinsa negozji iżgħar.
Callus qal, “Prova jġib din l-iskuża biex jipprova jwaqqa’ għaċ-ċajt il-proposta tagħna u semma biss il-kumpaniji l-kbar.”
Iżda f’konferenza li fiha l-Gvern ħabbar l-investiment ta’ 170 miljun ewro fit-tieni interconnector, il-Ministru Miriam Dalli għal darba oħra nnutat kif hemm negozji li huma meqjusa żgħar u li wkoll ser ikunu qed jintlaqtu b’mod ħażin ħafna b’dak li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Dalli rrimarkat, “meta qed isemmi businesses żgħar tajjeb li ngħidu li tipikament għandek business żgħir li jikkonsma mitejn unit fil-ġurnata, dawn ikunu businesses li jkunu qegħdin iħallsu bejn wieħed u ieħor minn tmien mija għal elf u mitejn ewro fix-xahar u dawn jinkludu, ehe SMEs żgħar bħalma huwa per eżempju ħanut tal-laħam, bħalma huwa per eżempju confectionary, bħalma huwa per eżempju workshop, mastrudaxxa, ristorant żgħir etc. Bil-proposta li kien qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, dawn in-nies ser jispiċċaw biex ikunu qegħdin isofru minn żieda ta’ sebgħa punt ħamsa fil-mija fil-cost tal-peak unit tagħhom.”