Fl-ewwel ġimgħa tagħha, il-kumpanija Gozo Fast Ferry Ltd. ġarret 6,000 passiġġier fi vjaġġi bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr, Għawdex. Il-kumpanija saħansitra kellha żżid il-vjaġġi tagħha biex tkopri għad-domanda li kien hemm matul it-tmien il-ġimgħa li għaddiet.
Is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer beda nhar l-Erbgħa li għadda u minn dakinhar aktar minn 3,000 persuna niżżlu l-applikazzjoni diġitali tal-kumpanija biex jixtru l-biljett għall-vjaġġ tagħhom.
Kelliem għall-kumpanija qal li n-numru ta’ passiġġieri li għamlu l-vjaġġ tagħhom f’ġimgħa waħda biss juri li n-nies kienu qed jistennew l-introduzzjoni ta’ servizz bħal dan.
Il-kumpanija qalet li l-maġġoranza tan-nies kienu qed jużaw l-applikazzjoni diġitali għall-biljett jew għamlu użu mit-Tallinja Card mingħajr il-bżonn li jibbukjaw minn qabel.
Il-kelliem tal-kumpanija stqarr li qegħdin jantiċipaw domanda akbar hekk kif is-settur tat-turiżmu reġa’ beda jinfetaħ bil-mod il-mod.
Il-kumpanija Gozo Fast Ferry irringrazzjat lill-awtoritajiet u l-ħaddiema tagħhom li taw l-għajnuna fil-kordinazzjoni tas-servizz matul tmiem il-ġimgħa bieżel.