Beda l-proċess sabiex pajjiżna jkollu t-tieni interconnector b’investiment ta’ 170 miljun ewro. Dan ħabbritu l-Ministru għall-enerġija, Miriam Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet mit-terminal station tal-enemalta fil-Magħtab, ftit tas-sigħat wara li d-deċiżjoni ġiet ikkonfermata f’laqgħa tal-kabinett immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Ministru Dalli stqarret li l-introduzzjoni ta’ dan it-tieni interconnector ser tara tnaqqis fl-emissjonijiet tad-dijosidju tal-karbonju ta’ 58%.
Hija spjegat li issa ser isir studju tal-qiegħ tal-baħar sabiex tkun ippjanata r-rotta minn tarf sa tarf tal-interconnector. Qalet li sabiex jinbena dan il-proġett ser tkun qed tinħareġ sejħa għall-offerti. Qalet kif dan it-tieni interconnector ser isaħħaħ il-grid nazzjonali b’tali mod li dan ikun iktar b’saħħitu u jipprepara għal investimenti ikbar fl-enerġija rinovabbli.
L-Inġinier Jonathan Scerri qal li qed ikun previst li fuq medda ta’ sitt snin ser ikun hemm żieda fid-domanda ta’ 21%. Qal kif kien hemm bosta konnessjonijiet ma’ pajjiżi differenti li ġew studjati fosthom interconnector mat-Tuneżija jew mal-Greċja. Madankollu, jidher li interconnector b’alternating current minn Ragusa fi Sqallija huwa l-għażla naturali.
Scerri qal, “Meta inti tagħmel cables itwal ir-riskji jitwalu, kemm f’dak li huwa spejjeż, kemm f’dak li hu operat, kemm fir-riskju li jintlaqat taħt il-baħar. Allura l-għażla ta’ Ragusa hija l-għażla naturali għall-interconnector li jmiss.”
Il-Ministru Dalli spjegat kif sar studju li kkonkluda li sabiex il-pajjiż ilaħħaq mad-domanda li ser ikollu fis-snin li ġejjin irid ikompli jinvesti f’dan il-qasam u dan permezz ta’ interconnector dirett ma’ stazzjon f’Ragusa fl-Italja. Qalet kif filwaqt li jekk wieħed iħares bejn l-2014 u l-2018 kien hemm żieda fid-domanda ta’ 18%, dan l-interconnector ser ikun qed jipprepara lil pajjiżna għaż-żieda fid-domanda għall-enerġija li ser jesperjenza.
Hija sostniet: “Qegħdin nipprevedu li din id-domanda ser tikber għaliex l-ekonomija ta’ pajjiżna ser tkompli tikber fis-snin li ġejjin b’mod partikolari wara l-Covid, u anke għaliex dan il-pajjiż issa miexi fit-triq lejn l-eletrifikazzjoni fejn jidħlu l-vetturi u anke proġetti ta’ shore to ship. Allura rridu li pajjiżna jkun ippreparat għal dawn l-affarijiet imma wkoll biex f’dan l-pajjiż ikollna l-opportunità ta’ proġetti ferm akbar ta’ enerġija iżjed nadifa.”