Il-Partit Nazzjonalista qal li hija gidba li pajjiżna kellu bżonn il-fondi mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment biex jiġġieled l-effetti negattivi tal-pandemija tul l-aħħar xhur.
Dan ħareġ biċ-ċar waqt dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali bejn is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u d-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni għamilha Fenech Adami waqt diskussjoni dwar l-importanza tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment.
Huwa qal, “Hija gidba li ngħidu li l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż b’xi mod baqgħet għaddejja fi żmien il-Covid minħabba li kellna l-fondi tal-IIP.”
Minkejja din id-dikjarazzjoni tal-Oppożizzjoni, il-fatti huma mod ieħor hekk kif kemm ilu twaqqaf il-fond li fih jidħlu l-flus tal-programm tar-residenza, tqassmu iżjed minn mitt miljun ewro.
In-negattività tal-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett kompliet toħroġ biċ-ċar minn kliem Fenech Adami.
Waqt id-diskussjoni saħansitra prova jqarraq li Malta qed jittieħdu proċeduri kontrija minħabba ksur ta’ liġijiet ewropej.
Fenech Adami tenna: “Pajjiżna llum għaddej minn Infringment Procedures li għadhom għaddejin sa llum.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat kien pront ikkoreġieh: “Sal-lum ma hemm l-ebda, l-ebda Infringment Procedure kontra pajjiżna. Jiġifieri l-kollega huwa misinfurmat. Uffiċjalment Infringment Procedure kontra Malta, le ma bediex. Intbagħtet ittra u ġiet imwieġba. Dik mhijiex Infringment Procedure.”
Intant Beppe Fenech Adami bħal Bernard Grech qablu, ħadha qatt bla ħabel kontra l-ġurnalist li kien qed jagħmillu l-mistoqsijiet.
Huwa kompla jgħid: “Ħa ngħidlek dak qed tipprova tirrepeti dak li qal l-Onorevoli Muscat biex mingħalik bħal dejjem tiskurja politikament għall-Partit Laburista. Għax-xogħlok f’dan il-programm huwa għalhekk.”
Intant hekk kif wasal biex jintemm id-dibattitu, Beppe Fenech Adami qal li l-Partit Nazzjonalista jikkritika biss meta ma jaqbilx.
Hawn is-Segretarju Parlamentari Muscat qallu hekk b’reazzjoni għall-fatt li esponenti Nazzjonalisti għamlu minn kollox biex ħammġu dan il-programm barra minn xtutna.
Huwa sostna: “Din l-approach naqbel miegħek però din l-approach ma kinitx dak li ġara fis-seħħ. Jiġifieri f’dawn is-7, 8 snin issa l-approach ma kinitx jien mhux qed naqbel miegħek. L-approach kienet li jien mhux qed naqbel miegħek u ħa nagħmel dak kollu li nista’ biex inwaqqfek u dik hija d-differenza. Jien nista’ ma nqabilx miegħek imma mhux intellfek u nagħmillek il-bsaten fir-roti. Morru kellmu l-practitioners ta. Morru kellmu lis-settur privat li għaddej fuqha u jgħidulek minn għamel il-ħsara lill-pajjiżna fuq is-settur tal-Ċittadinanza b’investiment.”