Bħal-lum sena, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela nieda l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ta’ kważi €900 miljun, sabiex f’pandemija għen lin-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.
Dan il-pjan inkluda l-għoti ta’ voucher ta’ €100 lil kull persuna li għandha ‘l fuq minn 16-il sena. Din il-miżura tal-vouchers tat spinta lin-negozji matul is-sajf li għadda, filwaqt li fil-budget għal din is-sena reġgħet iddaħħlet sabiex tkompli tgħin lin-negozji. Din it-tieni skema ta’ vouchers reġgħet daħlet mis-seħħ, it-Tnejn, hekk kif il-Gvern żamm il-wegħda tiegħu li t-tieni round ta’ vouchers jingħataw, hekk kif jiftħu l-bars u l-każini.
Dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta spinta lin-negozji wkoll billi n-negozji ngħataw rifużjoni ta’ 50% fuq il-kontijiet tad-dawl tagħhom għax-xhur tas-sajf tas-sena l-oħra.
Permezz ta’ dan il-pjan, il-Gvern kompla jagħti l-COVID Wage Supplement lil dawk il-ħaddiema li l-post tax-xogħol kellu jingħalaq minħabba l-pandemija. Sena wara, dan l-inċentiv tal-Gvern li għen lil diversi ħaddiema u li għen sabiex kumpaniji ma jagħlqux il-bibien tagħhom, għadu qed jingħata lil dawk li għadhom milquti minħabba l-effetti tal-pandemija u dan għandu jkompli sal-aħħar ta’ din is-sena.
Miżura oħra ta’ dan il-pjan kienet li tnaqqas it-taxxa tal-boll fuq il-propjetà minn 5% għal 1.5% sal-aħħar ta’ Marzu li għadda. Din l-iskema kienet waħda ta’ suċċess, hekk kif xahar wara xahar ġew irreġistrati l-aħjar xhur tal-propjetà f’pajjiżna sa mill-2017.
Barra minn hekk, dan il-pjan kompla jgħin lill-familji Maltin u Għawdxin, hekk kif il-prezz tal-petrol u d-diesel raħas b’seba’ ċenteżmi. Il-Gvern għen ukoll lil dawk li minħabba l-pandemija kellhom jipposponu t-tieġ tagħhom, b’għotja sa massimu ta’ €2,000. Ix-xahar li għadda, din il-miżura ġiet estiza għal dawk il-koppji li kellhom jiżżewġu sal-aħħar ta’ din is-sena u pposponuh.
Dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika wassal biex f’nofs pandemija globali, li laqtet lid-dinja ħafna iżjed mill-kriżi finanzjarja tal-2008, pajjiżna mhux talli kellu ħaddiema li ma tkeċċewx minn xogħolhom, iżda kien hemm żieda fix-xogħol.
Intant, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt li sena ilu, meta konna qed ngħixu realtà totalment ġdida, il-Gvern imexxi minnu ppreżenta l-Pjan tar-Riġenerazzjoni Ekonomika biex jissaħħu l-familji u n-negozji.
Dr Abela sostna li jinsab sodisfatt ukoll li l-Gvern baqa’ jibni fuq il-bażi li poġġa dakinhar u fl-aħħar xhur il-Gvern ħares lejn il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Prim Ministru saħaq li b’hekk għandna bażi soda biex nibnu Għada Aħjar.