Il-pulizija Awstraljana qalet illi mijiet ta’ kriminali ġew arrestati fi 18-il pajjiż differenti waqt operazzjoni konġunta bejn l-FBI u l-Europol li kienet ilha għaddejja mill-2018.
Il-pulizija Awstraljana flimkien mal-FBI infiltraw gruppi ta’ kriminalità organizzata u mafja, li bdew jużaw l-app AnOm bħala mezz ta’ komunikazzjoni biex isiru pjanijiet għall-attivitajiet illegali. Din l-app kienet ġiet żviluppata b’mod sigriet mill-FBI sabiex jissorveljaw l-attività li kienet qed issir mill-istess gruppi.
Waqt l-arresti ġew ikkonfiskati: ammont ta’ droga, armi u flus kontanti.
Hekk kif il-pulizija kisbu aċċess f’din l-app, l-uffiċjali setgħu jaqraw miljuni ta’ messaġġi li kienu qed jitbagħtu dwar omiċidji, pjanijiet għall-importazzjoni ta’ kwantità kbira tad-droga u skemi oħra.
Fl-Awstralja il-pulizija arrestat 224 persuna, filwaqt li permezz tal-aċċess fl-app, il-pulizija aġġixxiet ukoll fuq potenzjalment każijiet ta’ qtil li setgħu wassalu għal numru ta’ mwiet ta’ persuni innoċenti.