F’rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ġie sostnut li l-aġenzija Ewropea Frontex mhix taqdi dmirijietha b’mod sodisfaċenti.
L-Aġenzija Frontex hija responsabbli mill-fruntieri tal-membri stati u dawk membri fiż-żona Schengen.
Id f’id mal-awtoritajiet tal-pajjiż, l-aġenzija taħdem fuq numru ta’ sfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-fruntieri bħat-traffikar, l-immigrazzjoni, it-terroriżmu u attivitajiet illegali.
Madanakollu, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, innotat ammont sostanzjali ta’ ineffiċjenzi fil-ħidma ta’ Frontex li wasslu biex ma ssodisfatx ir-responsabbiltajiet tagħha.
Dan minkejja fondi allokati li jlaħħqu kważi n-nofs biljun ewro, ħafna aktar mill-ammont li kellha fl-elfejn u erbgħa.
F’konferenza online, il-membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli minn dan ir-rapport, Leo Brincat innota l-ineffiċjenza ta’ Frontex, li qed issir fi żmien delikat meta l-istess aġenzija qed tkun afdata b’aktar responsabbiltajiet.
Huwa spjega kif ir-rapport sab li l-Aġenzija ma kinitx qed toffri s-sapport meħtieġ lill-pajjiżi membri, u mhix tagħmel rapporti interni tal-ħidma tagħha u l-infieq fl-operazzjonijiet.
Ir-rapport ħejja sett ta’ rakkomandazzjonijiet lil Frontex biex ittejjeb ħidmietha, fost l-oħrajn billi jkollha aktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha u tiżviluppa l-mod ta’ kif taħdem b’tali mod li tkun ta’ sapport għall-istati membri.