F’Malta dan il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm minn dejjem kien jiġi kkommemmorat, iżda fuq skala żgħira.
Madankollu, matul dawn l-aħħar sentejn taħt il-Patronċinju tal-E.T il-President George Vella, din il-kommemorazzjoni bdiet isir fuq bażi iktar nazzjonali. Da hekk kif bil- kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President, Ministeri, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali u Lokali, entitajiiet privati u oħrajn, għadd ta’ binjiet strateġiċi qed jibdew jiġu mixgħula bl-aħmar. Il-qofol ta’ din il-kampanja se jintlaħaq nhar it-Tnejn 14 ta’ Ġunju.
L-għanijiet ewlenija ta’ din il-kampanja huma li eluf ta‘ donaturi eżistenti li jagħtu d-demm fuq bażi volontarja jingħataw rikonoxximent b’mod apert, biex id-donaturi eżistenti jagħmlu kuraġġ u jikkommettu ruħhom li jagħtu d-demm b’mod iktar regolari, filwaqt li jkunu aktar għarfien tal-bżonn kontinwu tad-donazzjonijiet tad-demm u l-ġest nobbli tad-donaturi eżistenti jservi biex iktar nies f’saħħithom, partikolarment żgħażagħ, jikkonvinċu ruħhom li jibdew jagħtu d-demm huma wkoll. Kien propju għalhekk li ONE Radio, bħala stazzjon li jemmen bis-sħiħ f’din il-kawża Nazzjonali, ħass id-dmir li għal darba oħra jgħin biex kemm jista’ jkun nies jersqu u jagħtu d-demm. Għaldaqstant illum It-Tnejn, 7 ta’ Ġunju, Festa Pubblika qed issir martona ta’ kollegamenti maċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa bit-tema Flimkien għal Pajjiżna… nagħtu d-demm!
Huwa importanti li:
• dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm jippreżentaw il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan inkella passaport Malti, u possibbilment iħajru lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.
• dawk li qed jistennew biex jagħmlu s-swab test jew jistennew ir-riżultat tiegħu ma jistgħux jagħtu demm sakemm joħroġ riżultat COVID-19 Negative.
• min ikun ġie ttestjat pożittiv għall-COVID-19 ikun jista’ jagħti demm 4 ġimgħat minn wara li jkunu għaddew l-aħħar sintomi.
• min jagħti d-demm irid iħalli 7 ijiem jgħaddu qabel jersaq biex jieħu t-tilqima COVID-19.
• Min jieħu t-tilqima tal-COVID-19 irid iħalli 48 siegħa qabel jersaq biex jagħti d-demm. Min ikollu deni, jew sintomi t’influwenza, irid iħalli 7 ijiem.
Wieħed jista’ jżur ukoll iżżur www.blood.gov.mt u f’każ ta’ diffiklutà tista’ tagħmel kuntatt fuq 79307307 jew 80074313.