Permezz tal-pjattaforma ĠEMMA, ġiet iffirmata sħubija strateġika bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin, bil-għan li l-pubbliku jkun aktar responsabbli bil-finanzi personali tiegħu permezz ta’ deċiżjonijiet infurmati.
Il-Ministru responsabbli mis-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon innota kif ftehimiet bħal dawn inisslu kultura ta’ kapaċità finanzjarja f’pajjiżna.
Saħaq ukoll fuq l-importanza li wieħed ikollu ħiliet finanzjarji tul ħajtu kollha, mhux biss fl-età tal-irtirar.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Il-kunċett ta’ kapaċità finanzjarja ta’ kif wieħed jipprijoritizza, ġeneralment norbtuh mal-anzjanità, għal meta nirtiraw. Il-fatti juru li mhux hemm biss għandna bżonn dak it-tip ta’ kapaċitajiet, anzi tul ħajjitna kollha rridu nippjanaw.”
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Miniseru esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-isħubija, u rrimarka l-bżonn li l-pjattaforma ĠEMMA tkompli din il-ħidna biex tiżgura li tali kapaċità tkun parti mill-kultura.
Wieħed jista’ jaċċessa s-sit elettroniku ta’ ĠEMMA għal aktar tagħrif.