Aġenziji u intraprendituri li jmorru barra minn xtutna biex jirreklamaw lil pajjiżna f’fieri marbuta mas-settur tal-proprjetà, se jsibu l-għajnuna tal-Fondazzjoni Proprjetà Malta, li se tkun qed tħallsilhom l-ispejjeż sa massimu ta’ ħamest elef ewro.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarjiet, fejn iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Sandro Chetcuti, sostna kif Proprjetà Malta dejjem ħadmet biex tqajjem interess internazzjonali, u l-bżonn għal skema bħal din inħass wara l-isfidi tal-pandemija.
Chetcuti stqarr: “Minħabba l-pandemija u d-diffikultajiet li wieħed jipparteċipa f’xi fieri, ħsibna li noħolqu dil-iskema ta’ kofinanzjament biex nagħtu sapport lill-konsulenti, negozjaturi, aġenti u kull min qed jaħdem biex jattira investituri barranin biex jiġi Malta.”
Dan il-finanzjament għandu massimu ta’ ħamest elef ewro u jista’ jintuża biex ikopri l-ispejjeż ta’ biljetti, akkomodazzjoni, u stands fil-fieri fost l-oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Chris Agius faħħar ir-reżiljenza tal-ħaddiema fi ħdan is-settur u sostna li l-Gvern se jkun qed jaħdem ukoll biex jiffaċilita l-ħidma barra minn xtutna.
Huwa sostna: “Aħna matul dawn l-aħħar snin, bħala Proprjetà Malta rajna li mmorru barra minn xtutna sabiex nirreklamaw il-prodott Malti. Matul din is-sena minħabba l-pandemija ma stajniex nagħmlu dan u allura qed nagħmlu din l-iskema fejn qed inħajru lil dawn li jaħdmu fis-settur tal-proprjetà li jekk imorru jattendu u jipparteċipaw f’xi fiera, il-Fondazzjoni Proprjetà Malta se jkunu qed jgħinuhom fin-nefqa tagħhom.”
Huwa tenna kif dan il-Gvern minn dejjem kien preżenti biex itejjeb is-suq tal-proprjetà, kemm għal min jixtri, u anke għal min ibiegħ u qal li se jibqa’ joffri l-id ta’ għajnuna tiegħu.