Spazju Kreattiv se jkun qed itella’ produzzjoni teatrali bil-Malti b’kollaborazzjoni mal-kumpanija Rubber Collective, mit-tmienja sat-tlettax ta’ Ġunju.
Dan hekk kif mis-sebgħa ta’ Ġunju se jiġu rilaxxati aktar miżuri u t-teatri se jerġgħu jiftħu għall-pubbliku.
F’din il-produzzjoni bl-isem ta’ Kaxxa Infernali, il-kittieb u l-attur tal-produzzjoni Jimmy Grima se jkun qed jirrakkonta storja li tirrelata mal-isparar tal-bombi fl-inħawi ta’ Filfla fi żmien l-Ingliżi permezz ta’ diversi ħsejjes.
Waqt żjara fit-teatru waqt il-provi, Jimmy qalilna li bħala tifel mill-Qrendi hu ġie ispirat minn din l-istorja li kienu jgħidulu qrabatu meta kien għadu daqxejn ta’ sabi.
Qalilna li din hija storja li ma ssibha miktuba mkien uffiċjalment fil-kotba.
Grima stqarr, “Jiġifieri l-punt tat-tluq tiegħi huwa Filfa u l-bombi ta’ madwarha. Biex tgħaxxaqha mbagħad iz-ziju dejjem jgħidli li dawk il-bombi itellgħuhom u jew nużawhom għall-barriera jew jużawhom għan-nar u din l-istorja bejn il-militar u l-istorja ta’ Malta tal-passat bl-Ingliżi jisparaw fuq Filfla u mbagħad in-nies tan-nar jiġbru l-bombi biex jużawhom fil-festa u jagħmlu l-poeżija ispiratni ħafna.”
Qal li l-produzzjoni se tkun tista’ titgawda minn dawk n-nies li ma jifhmux il-Malti wkoll għaliex fil-verżjoni li ħa tixxandar virtwalment, se jkun hemm is-sotto-titli bl-Ingliż.
Żied jgħid li jinsab kuntent ferm bir-rilaxx tal-miżuri marbuta mat-teatri, għaliex b’differenza minn produzzjonijiet virtwali, l-attur se jkun jista’ jerġa’ jkun interattiv man-nies preżenti fit-teatru.
Hu kompla jispjega, “Għalija hija xi ħaġa sabiħa u inkredibbli ħafna u kuntent ħafna li n-nies tal-kultura ħadmu biex jerġa’ jkun jista’ jinfetaħ għaliex nemmen li l-kultura hija importanti ħafna li n-nies ikollhom fejn jistgħu, speċjalment f’dawn iż-żminijiet fejn jistgħu jiltqgħu mal-arti u mal-artisti u mal-kultura jiġifieri naħseb kienet mossa vera tajba li reġgħu infetħu dawn il-postijiet.”
Id-Direttur ta’ Spazju Kreattiv qalilna li din il-produzzjoni se tkun miftuħa għal tletin persuna u se jkunu qed jittieħdu bosta miżuri li jassiguraw il-protokolli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Daniel Azzopardi stqarr, “Spazju kreattiv bħala l-Fondazzjoni Kreattività mill-bidu nett fil-pandemija kien hemm deċiżjoni ċara li nkomplu, ovjament meta nistgħu bil-programm artistiku tagħna kemm minħabba l-artisti u l-komunità kreattiva biex ikollhom ix-xogħol tagħhom li jista’ jiġi preżentat imma anke għall-komunità u l-popolazzjon inġenerali sabiex ikollhom żvoġ artistiku fejn jistgħu xorta jgawdu u jesperjenzaw xogħlijiet artistiċi.”