Il-Kunsill Malti għall-Arti u Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ħarġu sejħa għal musicals oriġinali bil-Malti biex jittellgħu bejn Lulju u Awwissu tal-2022 u 2026.
Is-sejħa tħejji spazju stabbli għal produtturi biex jiżviluppaw produzzjoni mużikali u jrawmu l-potenzjal kreattiv tagħhom.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Arti Josè Herrera aċenna għall-użu tal-lingwa Maltija f’dawn il-musicals.
Il-Ministru Herrera saħaq, “L-idea hi li nippromwovu t-talent Malti però li mmexxu ‘l quddiem il-lingwa Maltija. Il-lingwa hija indispensabbli għall-identità tagħna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo irrefera wkoll għal-potenzjal li għandha din in-niċċa artistika biex tistimula t-turiżmu domestiku.
Il-Ministru Bartolo stqarr, “Dan kollu ser jgħin biex it-turiżmu verament jirkupra filwaqt li miegħu nżewġu l-kultura, inkunu nistgħu naraw kif verament ngħollu anke l-livell t’għejxien għall-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu.”
Il-President Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, stqarr li hu konvint mill-benefiċċji ta’ din is-sejħa, u li se jkollha impatt pożittiv fuq firxa wiesgħa ta’ operaturi fl-industriji kreattivi u kulturali.
L-informazzjoni kollha dwar din is-sejħa hija disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-Kunsill Malti għall-Arti.