Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiku bħala n-negozjatur politiku għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur dwar l-estensjoni tal-projbizzjoni attwali fuq it-tariffi tar-roaming wara l-2022.
Iċ-ċittadini Ewropej ilhom mill-2017 igawdu minn projbizzjoni fuq ir-roaming li tippermettilhom li jkunu konnessi kullimkien fl-Unjoni Ewropea, mingħajr spejjeż addizzjonali. In-nies issa jistgħu faċilment jużaw il-mowbiles tagħhom għal telefonati, SMS u data meta jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea, bħalma jagħmlu f’pajjiżhom. Ir-Regolament dwar ir-roaming ġie miftiehem għal ħames snin u għandu jiskadi f’Ġunju 2022. Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta ġdida biex testendi l-projbizzjoni attwali fuq it-tariffi tar-roaming madwar l-Unjoni għal għaxar snin oħra.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, ix-“shadow rapporteur” tal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Alex Agius Saliba, qal li t-tneħħija tar-roaming hija waħda mis-suċċessi l-aktar rikonoxxuti miċ-ċittadini tal-Unjoni. Huwa żied jgħid li m’hemm l-ebda dubju li dawn ir-regoli gawdex kemm lis-swieq tat-telekomunikazzjoni kif ukoll lill-konsumaturi, filwaqt li nnota li għalhekk huwa importanti li dawn ir-regoli jiġu estiżi. Huwa sostna li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli timxi ‘l quddiem lejn suq uniku diġitali u tat-telekomunikazzjoni.
Filwaqt li nnota li l-aħħar sena kienet diffiċli għall-vjaġġaturi u t-turisti madwar l-Ewropa, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba stqarr li ladarba l-pandemija tkun taħt kontroll, in-nies jerġgħu jibdew jivvjaġġaw, u se jkunu jridu jkomplu jgawdu d-drittijiet tagħhom.
Dr Agius Saliba sostna li jinsab kuntent li se jirrappreżenta lill-grupp tiegħiu fin-negozjati li ġejjin. Huwa saħaq li l-għan tiegħu hu li jiżgura li titwessa’ din il-politika favur il-konsumatur mhux biss għall-għaxar snin li ġejjin, iżda wkoll bħala prinċipju ġenerali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr data ta’ skadenza.
Bħala parti mit-tim ta’ negozjaturi fil-Kumitat IMCO, l-Ewroparlamentari Laburista Agius Saliba għandu wkoll il-kompitu li jiżgura li l-operaturi tat-telekomunikazzjoni jiggarantixxu l-istess kwalità ta’ servizzi lill-konsumaturi meta jużaw it-telefown tagħhom f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Agius Saliba tenna li mhuwiex aktar aċċettabbli li l-konsumaturi jħallsu biex ikollhom ċerta kwalità, u aċċess u veloċità tad-data aħjar fid-dar, iżda ladarba jivvjaġġaw, ħafna drabi jitnaqqsilhom il-grad għal network aktar baxx, li jirriżulta fi tnaqqis fil-kwalità tas-servizz tagħhom.
Dr Agius Saliba temm jgħid: “Nittama li nistgħu nużaw dan il-proċess biex intejbu r-rekwiżiti kuntrattwali u tal-ħarsien tal-konsumatur u niżguraw li n-nies jiksbu l-kwalità li jħallsu għaliha. Jeħtieġ ukoll li nintroduċu limiti ta’ qtugħ ċari sabiex il-konsumaturi jkunu infurmati meta jilħqu ċertu limitu waqt li jkunu barra minn pajjiżhom, u fl-istess ħin jibqgħalhom aċċess liberu għal servizzi ta’ valur soċjali bħal servizzi mediċi ta’ assistenza mhux ta’ emerġenza u servizzi oħra ta’ assistenza. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, nemmen li għandna nżidu netwerks mhux terrestrijali sabiex in-nies ikunu konnessi anki fl-ajruplani u l-bastimenti, bħal dgħajjes u laneċ, mingħajr ħlas żejjed.”