Din is-sena s-servizz pubbliku għamel investiment ta’ €200 miljun fit-teknoloġija. Investiment li ser ikun qed jipprepara lis-servizz pubbliku għall-proċess ta’ tisħiħ permezz ta’ strateġija ġdida għall-ħames snin li ġejjin. Hekk stqarr is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar fil-ftuħ tal laqgħa dwar l-użu tat-teknoloġija fis-servizz pubbliku.
Fl-attività li saret bħala parti mill-ġimgħa ddedikata lis-servizz pubbliku, Cutajar stqarr kif lura fl-2013 is-servizz pubbliku kien għaraf li ċ-ċavetta tal-ġejjieni hija t-teknoloġija u dan ikkonfermawh iċ-ċirkostanzi miġjuba mill-imxija tal-Covid-19.
Cutajar spjega kif l-investiment kbir fit-teknoloġija wassal biex Malta jkollha l-aqwa servizzi governattivi online fl-Ewropa. Kisba li ser ikompli jsir titjib fuqha anke permezz tal-istrateġija ġdida msejsa fuq tliet pilastri; it-teknoloġija, in-nies u s-servizzi nfushom.
Huwa stqarr: “Hemm prinċipji basiċi li ser ikunu qed jiggwidawna f’din l-istrateġija li ser tibda tapplika ruħha s-sena d-dieħla. It-tliet prinċipji, tal-kwalità. L-investiment tal-kwalità jrid jibqa’. Il-kontabilità, li taħt l-ebda ċirkostanza m’għandna nmissu l-kontabilità, il-mod kif aħna nagħtu r-rendikonti tagħna u fl-aħħar mill-aħħar is-sostennibilità.”