Inawgurat iċ-ċentru ġdid għaż-żgħażagħ fil-Belt b’investiment ta’ €350,000 biex minn palazzin tas-seklu 18 mitluq issa sar post irrestawrat lest biex jilqa’ liż-żgħażagħ u l-komunità Beltija fih, fosthom it-Teen Club.
Iċ-Ċentru Santu Rokku ġie ffinanzjat permezz tal-fondi mill-iżvilupp amministrat mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Dan iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia fejn sostna li dan iċ-ċentru se jipprovdi spazju soċjali sigur liż-żgħażagħ tal-Belt u tal-madwar.
Il-Ministru Farrugia stqarr: “Inbidel issa f’post fejn ħa jilqa’ diversi żgħażagħ fl-inner harbour area, ninsabu l-Belt Valletta però ħa jinfetaħ għal dawk iż-żgħażagħ kollha interessati li jiġu hawnhekk għal diversi affarijiet: gwida akkademika, spiritwali imma wkoll post fejn jiltaqgħu biex iż-żgħażagħ tagħna jitilgħu b’valuri u prinċipji tajbin.”
Il-Project Leader tal-proġett Teen Club, Maurizio Lapira qal li l-missjoni hija li żgħażagħ ikollhom spazju alternattiv.
L-istess tenna l-Arċipriet tal-Parroċċa San Pawl fil-Belt, filwaqt li saħaq li dan il-proġett huwa għall-komunità kollha.
Huwa qal, “L-għan tagħna hu li jkunu f’ambjent safe fejn jista’ jkollhom formazzjoni. Naturalment hemm kmamar oħra ta’ laqgħat li jistgħu jintużaw pereżempju mill-anzjani, mill-adulti. Hawn kappella tas-Sagrament użata minn kulħadd, mill-parruċċani jiġifieri ħa jkun għall-komunità kollha. Post tal-komunità għall-komunità.”
Intant, is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit tenna li l-Kunsill Lokali kellu rwol attiv biex jinkisbu l-fondi filwaqt li kellu appell għaż-żgħażagħ tal-Belt.
Zammit sostna: “Nappella li ż-żgħażagħ Beltin biex jattendu dan iċ-ċentru u jagħmluh suċċess, jagħmluh wieħed ħaj. Jitilqu ftit il-mobile u jiġu hawnhekk jilgħabu ma’ sħabhom, jitgħallmu l-katekiżmu. Hemm bżonn li t-tfal tagħna jerġgħu jirritornaw bħal meta konna żgħar aħna, nattendu l-Azzjoni Kattolika u l-Mużew.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid illi l-fond tal-Iżvilupp għandu madwar 30 miljun ewro biex isiru proġetti oħra fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.