It-titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità permezz ta’ programmi personalizzati, ta’ kwalità għolja u li jippromwovu għajxien indipendenti u inklużjoni sħiħa fis-soċjetà, kien is-suġġett ewlieni ta’ laqgħa mal-klijenti tas-Servizz Pubbliku li saret illejla bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li għandha t-tema ‘Insaħħu s-Servizz Pubbliku’.
F’din il-laqgħa ngħatat ħarsa dettaljata lejn id-diversi programmi li nħolqu biex jiffaċilitaw għajxien indipendenti, l-investiment li qed isir fit-teknoloġija u f’impjegati mħarrġa, il-firxa ta’ servizzi u skemi disponibbli li jilħqu varjetà wiesgħa ta’ bżonnijiet differenti, l-investiment f’modernizzar taċ-ċentri ta’ matul il-jum, il-bini ta’ aktar residenzi, u ż-żieda qawwija fil-fondi għal servizzi fil-komunità.
Fil-laqgħa ġew diskussi wkoll il-parteċipazzjoni u l-vuċi ta’ persuni b’diżabilità f’għaqdiet mhux governattivi u fis-soċjetà, kif ukoll l-isfidi li jaffaċċjaw dawn il-persuni. Fost dawn l-isfidi hemm in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni minn persuni b’diżabilità f’diskussjonijiet lil hinn minn suġġetti li mhumiex dwar id-diżabilità, kif ukoll il-protezzjoni eċċessiva ta’ ċerti ġenituri, li twassal għal limitazzjoni f’ċerti opportunitajiet.
Bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, illejla saru wkoll żewġ laqgħat oħra mal-klijenti — waħda dwar ix-xiri pubbliku u l-oħra dwar l-edukazzjoni għall-adulti.
Fil-laqgħa dwar ix-xiri pubbliku ngħatat ħarsa lejn dak li twettaq f’dawn l-aħħar snin biex jiġu ssimplifikati l-proċessi, kif ukoll lejn il-ħidma li saret biex jiġu attwati s-suġġerimenti dwar ix-xiri pubbliku li saru fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku tas-sena li għaddiet.
Fil-laqgħa dwar l-edukazzjoni għall-adulti ġew diskussi l-bosta opportunitajiet li joffri s-Servizz Pubbliku fir-rigward ta’ tagħlim tul il-ħajja u ngħatat ħarsa dettaljata lejn il-korsijiet, is-suġġetti mgħallma u kif dawn twasslu virtwalment matul l-imxija tal-Covid-19.
Għat-tliet laqgħat tal-lejla, li kienu aċċessibbli wkoll virtwalment, kien hemm konkorrenza qawwija. Il-laqgħat kienu opportunità biex is-Servizz Pubbliku jisma’ lill-klijenti tiegħu bħala dawk li qegħdin verament fiċ-ċentru ta’ ħidmietu.