Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo llum temm żjara uffiċjali, li għamel fir-Renju tal-Arabja Sawdija fejn indirizza diversi kwistjonijiet bilaterali, inkluż ir-relazzjoni bejn l-Arabja Sawdija u l-Unjoni Ewropea, il-ħtieġa li nifhmu aħjar lil xulxin, u li naħdmu flimkien għall-ġid komuni.
Matul din iż-żjara, il-Ministru Bartolo kellu laqgħat mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin l-E.T. Faisal bin Farhan Al Saud, mal-Ministru għat-Turiżmu l-E.T. Ahmad bin Aqil Al Khatib, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf, Dr Najef Falah M. Al-Hajraf.
It-taħditiet iffukaw fuq ir-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali bejn Malta u l-Arabja Sawdija, kif ukoll il-kooperazzjoni dwar it-turiżmu, it-tibdil fil-klima, ilma u enerġija, is-saħħa; inkluż is-setturi tal-farmaċewtika, ir-riċerka, u l-aspett regolatorju; is-sigurtà u l-produzzjoni tal-ikel, l-edukazzjoni vokazzjonali, u l-kooperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus.
Ġiet diskussa ukoll l-alleanza għaċ-ċiviltà u l-importanza li s-soċjetajiet jitgħallmu jgħixu flimkien. F’dan il-kuntest, iż-żewġ naħat tkellmu dwar l-importanza tal-paċi fir-reġjun tal-Golf, fil-Libja, fil-Lvant Nofsani u fil-Jemen.
Il-Ministru Bartolo enfasizza li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jibbenefikaw minn kollaborazzjoni reċiproka għall-benefiċċju tal-popli tagħhom.