Minn nofs Ġunju li ġej, xogħlijiet ta’ kostruzzjoni marbutin ma’ tħaffir u twaqqigħ, mhumiex se jkunu permessi f’żoni turistiċi.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tat-Turiżmu, hekk kif ġiet ippubblikata lista ta’ żoni fejn dawn l-attivitajiet se jkunu projbiti.
Dawn il-miżuri se jittieħdu sabiex jiġu mmitigati l-istorbju u l-inkonvenjent ta’ residenti Maltin, kif ukoll turisti f’dawn iż-żoni urbani.
Dawn se jidħlu fis-seħħ mil-15 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru.
Iż-żoni fejn mhux se jkunu permessi dawn l-attivitajiet jinkludu diversi toroq f’Wied il-Għajn, Marsaxlokk, il-Mellieħa u kull triq fil-Kottonera, fost bosta lokalitajiet oħra madwar Malta u Għawdex.