Gvern Laburista qatt ma waqaf jew iddejjaq jinvesti fil-poplu Malti u Għawdxi, lanqas f’pandemija.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fi programm ta’ diskussjoni l-Ħadd filgħodu, fejn ta ħarsa lejn erba’ snin ta’ ħidma bla waqfien minn Gvern Laburista u saħaq kif il-frott ta’ dan ix-xogħol qed jissarraf f’fiduċja min-nies.
Il-Prim Ministru stqarr, “Erba’ snin ta’ investiment fin-nies. Bħala Gvern ma bdejniex ninvestu fin-nies għaliex ġiet il-pandemija, hemmekk intensifikajna l-investiment għax hekk kien meħtieġ. Imma dak l-investiment b’saħħtu rridu nżommuh għall-futur. Għaliex rajna kemm meta tinvesti fin-nies, in-nies jirreċiprokaw b’fiduċja u dak li rrid nibqa’ nara.”
Il-Prim Ministru qal kif l-aħħar xhur, anke fi sfond ta’ pandemija, kienu ddominati minn riforma wara l-oħra, fosthom fil-qasam tal-ġudikatura u dak finanzjarju, li dwarhom ingħata verdett pożittiv mill-Moneyval fl-aħħar jiem.
Fl-istess waqt, Gvern Laburista dejjem ta importanza lill-qasam soċjali.
Dr Abela sostna, “Paripassu ma’ dawn ir-riformi kollha li għamilna, il-handling tal-pandemija li llum għandna pajjiżi minn madwar id-dinja jħarsu lejna, ir-riformi strutturali li għamilna fis-sistemi ta’ governanza li wkoll hemm pajjiżi li qed iħarsu lejna imma fl-istess waqt ma nsejniex il-bżonnijiet soċjali ta’ dan il-pajjiż għax għall-ewwel darba nfaqna f’sena ta’ pandemija biljun ewro ta nefqa soċjali.”
Dr Abela semma wkoll fl-element ta’ serħan il-moħħ li rnexxielu jwassal Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija.
Hu qal, “Li inti n-nies jafu li għandhom is-serħan tal-moħħ, dak l-istess serħan il-moħħ li kellhom waqt il-pandemija li jafu mhux se jkollhom kontijiet tal-enerġija li se jisparaw ’il fuq, imma r-roħs fil-kontijiet tal-enerġija f’pajjiżna, taf kemm tajna lin-nies? Fi traħħis ta’ kontijiet li kienu għabbewhom bihom ta’ qabilna nofs biljun ewro. €500 miljun skorruti tajna lin-nies fi traħħis ta’ kontijiet tal-enerġija. Dak li għamilna aħna.”
Il-Prim Ministru semma l-miżuri f’waqthom li ħa l-Gvern f’pandemija, fosthom fis-suq tal-proprjetà, fejn spikka t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll.
Xi ħaġa li nnutata wkoll in-Nutar Nicolette Vella.
In-Nutar stqarret, “It-tnaqqis fit-taxxa wassal biex kien hemm boom fl-affarijiet, fis-sens li meta hemm pajjiżi oħrajn li s-sales tagħhom waqa’ hawn f’Malta żdiedu.”
Dwar l-indafa pubblika tkellem il-Viċi Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri, li rreaġixxa b’mod pożittiv ħafna għall-inizjattiva nazzjonali, “Insebbħu Pajjiżna”.
Camilleri qal, “Irridu nkunu aħna stess li naħsbu għal dawn it-tip ta’ kampanji. Sodisfatt immens bħala kunsillier li din il-ġimgħa rajna dawn il-ħaddiema kollha, ovvjament għanda assigurazzjoni wkoll li dawn l-operazzjonijiet ħa jibqgħu jsiru b’mod regolari u lilna jtuna sostenn.”
Il-Prim Ministru appella biex inizjattivi bħal dawn ikunu sostenibbli u saħaq li hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna li nżommu lil dan il-pajjiż sabiħ u nadif.