Il-Gvern se jkun qed jagħti għajnuna finanzjarja lil għaqdiet u organizzazjonijiet volontarji sabiex jersqu ‘l quddiem bi proġetti ambjentali.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, li f’kummenti qal kif permezz ta’ żewġ skemi l-għaqdiet Maltin u Għawdxin se jkollhom aktar opportunitajiet u appoġġ għal proġetti li huma ta’ prijorità għal Malta.
Il-Ministru Farrugia stqarr, “Skemi li jassistu proġetti illi huma ta’ prijorità ambjentali jew konservazzjoni ambjentali, l-ewwel skema tmiss ma’ fondi addizzjonali biex il-proġett ikun jista’ isir fiż-żmien li ġej, imma mbagħad skema oħra li permezz tagħha dawn l-NGOs Maltin jkollhom l-aqwa assistenza biex jiktbu l-aqwa proġett u b’hekk jikkompetu fuq livell internazzjonali u jkunu ta’ suċċess.”
Il-Ministru spjega li l-ewwel skema hija dwar l-operazzjonijiet li jinvolvu l-konservazzjoni ambjentali u l-promozzjoni tagħha. Dan kollu qed isir b’rikonoxximent għall-isforz validu li dawn l-organizzazzjonijiet qed jagħmlu fis-settur, kif ukoll biex jinċentiva aktar inizjattivi ta’ benefiċċju ambjentali.
It-tieni skema hija mmirata biex toffri għajnuna finanzjarja sabiex ikunu jistgħu jingħataw servizzi professjonali għall-kitba tal-proposti ta’ proġetti ffinanzjati minn LIFE.
Applikazzjonijiet għal dawn il-fondi se jiġu kkunsidrati fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tagħhom għal prijoritajiet ambjentali: l-immaniġġjar ta’ siti Natura 2000; mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima; infrastruttura ekoloġika; effiċjenza fl-enerġija; ġestjoni tal-iskart u skart tal-baħar; u afforestazzjoni.