Bejn Jannar 2020 u Jannar 2021, il-kumpanija Simonds Farsons Cisk irrappurtat profitt ta’ erbgħa punt erbgħa miljun ewro qabel it-taxxa u rnexxielha żżomm l-impjegati kollha tagħha. Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-kumpanija li tratta sena ta’ sfida bla preċedent.
Hawn ġie nnutat l-impatt qawwi tal-għajnuna tal-Gvern li wassal għal dawn ir-riżultati, b’mod speċjali għall-iskema tas-suppliment tal-pagi.
Matul l-2020, il-kumpanija nnutat ukoll tnaqqsi fid-dejn nett tagħha ta’ aktar minn ħmistax-il miljun ewro. Simonds Farsons Cisk sostniet li dan ir-riżultat intlaħaq permzz ta’ deċiżjonijiet meħuda mit-tim maniġerjali tagħha kif ukoll permezz ta’ skemi ta’ differiment tal-ħlas tal-VAT li ħabbar il-Gvern.
Fir-rapport, il-Kap Eżekuttiv tal-grupp, Norman Aquilina qal kif minkejja l-isfidi, huwa jinsab sodisfatt għaliex inkisbu riżultati aħjar milli maħsub. Hawn innota koll il-fatt li l-pajjiż miexi lura lejn in-normalità bit-tneħħija tal-miżuri restrittivi, u għalhekk il-kumpanija qed tħejji ruħha għal żmien aħjar.
Iċ-Chairman tal-kumpanija, Louis Farrugia qal li ż-żmien li ġej mistenni jkun ferm aħjar minn dak li għadda, u għalhekk il-grupp jinsab ħerqan u mmotivat għall-futur.