Il-Kumitat EkoSkola ppreżenta pjan ta’ azzjoni għall-Berġa ta’ Kastilja lill-Prim Ministru Robert Abela, wara li sar awditjar ambjentali minn studenti tal-Kulleġġ San Injazju tal-Ħandaq.
Ix-xogħol beda f’Jannar, meta l-kumitat osserva l-operat ta’ kuljum f’Kastilja biex jipproponi miżuri aktar sostenibbli li jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-eżerċizzju li sar kien wieħed dettaljat ħafna u stqarr li dan mhux se jkun pjan ta’ azzjoni li jibqa’ fuq il-karta. Hu spjega kif issa l-pass li jmiss hu li dan kollu jiġi implimentat u l-istudenti se jiċċertifikaw ix-xogħol li jkun għamel il-Gvern f’Kastilja.
Fost oħrajn qed ikun propost li twieċi jitħallew aktar miftuħa biex l-uffiċċji jkollhom dawl naturali u ċirkolazzjoni tal-arja. Dan apparti li jiżdiedu l-pjanti fil-Berġa li jtejbu l-kwalità tal-arja fuq il-post tax-xogħol.
Il-Prim Ministru Abela fakkar li l-iżvilupp sostenibbli hu prijorità tal-Gvern, u jrid li studenti bħalhom ikomplu jkunu l-katalisti tal-bidla filwaqt li juru l-abbiltajiet tagħhom favur is-soċjetà Maltija.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru fl-Uffiċċju ta-Prim Ministru Carmelo Abela.