Il-linja Nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta se tibda ttir lejn Dusseldorf u Berlin għall-iskeda tas-sajf li ġej.
Dan ħabbritu fi stqarrija, fejn il-kumpanija qalet li wara domanda qawwija fil-prenotazzjonijiet li ġejja mis-suq Ġermaniż, dan is-sajf l-Air Malta se tkun qed iżżid servizz dirett ta darbtejn filġimgħa lejn Berlin u Dusseldorf, rispettivament. L-Air Malta se tibda topera lejn Berlin fit-28 ta’ Ġunju, kull nhar ta’ Tnejn u kull nhar ta’ Erbgħa. L-operazzjonijiet għall-kapitali Ġermaniża se jinbidlu għall-Erbgħa u għas-Sibt mill-4 ta’ Awwissu. It-titjiriet lejn Dusseldorf se jibdew fit-3 ta’ Lulju kull nhar ta’ Erbgħa u kull nhar ta’ Sibt.
L-istqarrija żiedet tgħid li l-Air Malta se tkun qed tneħħi r-rotot ta’ Tel Aviv u ta’ Moska għal dan is-sajf wara valutazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-prenotazzjoni għalihom.
Fil-kummenti tiegħu dwar din it-tħabbira, l-Uffiċjal Kap Kummerċjali tal-Air Malta, Roy Kinnear iddikjara li “Matul l-aħħar ġimgħat rajna domanda qawwija mis-suq Ġermaniż, u qed nerġgħu nivvalutaw ilkapaċità biex inlaħħqu aħjar mad-domanda. Ir-Russja u l-Iżrael jibqgħu parti mill-pjanijiet futuri tan-network tagħna. Se nkomplu nadattaw in-network tagħna f’konformità mas-sitwazzjoni li qed tevolvi u mad-domandi tas-suq.”
Dan is-sajf, l-Air Malta se topera titjiriet diretti lejn/minn 20 belt: Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Lisbona, Londra Heathrow, Lyon, Manchester, Munich, Milan Linate, Palermo, Pariġi Charles de Gaulle, Pariġi Orly, Praga, Ruma, Vjenna, u Zurich.