Ingħatat bidu għall-ġimgħa ddedikata lis-servizz pubbliku li din is-sena ser tagħlaq il-kapitlu tat-tiġdid fis-servizz u tintroduċi l-isforzi ta’ tisħiħ.
F’konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar stqarr kif din il-ġimgħa ser tkun il-vetrina għax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gvern. Dan tant li fl-ewwel jum tagħha ġie ppubblikat dokument li jitfa’ dawl fuq ix-xogħol tas-servizz pubbliku.
Il-publikazzjoni turi kif 80% tal-miżuri li bdew, ġew imwettqa. Dan ifisser li fis-sena li għaddiet saru 127 miżura u b’kollox saru 1,100 miżura fil-fażi ta’ tiġdid.
Fost l-oħrajn saru investimenti f’istituzzjonijiet edukattivi u investiment bla preċedent fid-dwana.
Is-servizz pubbliku ra wkoll żieda drastika fl-ammont ta’ telefonati li jirċievi hekk kif minn 2,000 telefonata lura fl-2015, fl-2020 saru 950,000 telefonata fuq il-freephone 153.
Cutajar spjega kif din il-pubblikazzjoni mhux l-unika waħda tax-xorta tagħha u saħaq li l-fiduċja tal-Maltin fis-servizz pubbliku hi ta’ 12% iżjed mill-medja Ewropea.
Qal, “Il-pubblikazzjoni tal-lum, il-ħidma, mhijiex l-unika pubblikazzjoni li noħorġu, jiġifieri meta qed nitkellmu fuq it-tweġibiet li nagħtu lil NAO, lil Awditur Ġenerali, t-tweġibiet li nagħtu lill-Ombudsman, meta qed nagħtu rendikont ta’ kif iseħħ il-budget, qatt ma kienu jsiru dawn l-affarijiet. Bdejnihom, u l-isfida hi li tkomplihom,u tkomplihom b’serjetà, issaħħaħhom u tibni dawk l-istrutturi madwarhom biex mhux biss illum imma anke fil-ġejjieni t-trasparenza u l-kontabilità tibqa’ b’saħħitha u tibqa tiġi mhurija.”
Cutajar spjega kif tul din il-ġimgħa issa ser tkun imnedija strateġija ġdida imsejsa fuq tliet pilastri prinċipali; it-teknoloġija, in-nies u s-servizz. Dan sabiex issa jinbeda il-proċess ta’ tisħiħ tas-servizz pubbliku.