Il-lukandi f’Malta jinsabu ħerqana u ppreparati sal-aħħar sabiex fil-jiem li ġejjin, meta ndawru l-paġna tal-kalendarju għax-xahar ta’ Ġunju, jibdew jilqgħu lit-turisti fil-kmamar tagħhom.
Sentiment ta’ pożittività li ġej ukoll mid-Direttur Maniġerjali ta’ waħda mill-akbar lukandi f’Malta u li fiha tista’ tilqa’ sa tmien mitt persuna.
Norbert Grixti stqarr ma’ dan l-istazzjon li bħala lukanda ewlenija u internazzjonali, qed ikollhom rispons tajjeb ħafna mit-turisti, anke minn dawk Ingliżi.
Qal, “Jiena pożittiv dejjem u iva nittama li ħa jkollna sajf tajjeb għall-ġid ta’ kulħadd, għall-ġid ta’ min jaħdem fl-industrija u għall-ġid tal-ekonomija għax it-turiżmu huwa kontributur kbir.”
Infatti, il-kwiet taqtgħu b’sikkina fil-lukandi mistenni jinkiser bil-wasla ta’ għexieren ta’ turisti fil-ġimgħat li ġejjin.
Hawnhekk, id-Direttur Maniġerjali tal-lukanda Excelsior semma l-għajnuna immedjata tal-Gvern waqt il-pandemija li ħalliet biex il-lukanda fuq saqajha u lesta biex terġa’ tiftaħ għat-turisti.
Spjega, “Kieku ma kienx għall-wage supplement, kieku l-lukandi ma kinux jistgħu jżommu u kienu jintilfu ħafna u ħafna impjiegi għax aħna spiċċajna dħul ta’ xejn. Bis-saħħa tal-Wage supplement il-Gvern għinna biex almenu nibqgħu għaddejjin u issa x-xogħol reġa’ ġej u għax bqajna għaddejjin nistgħu nerġgħu niftħu.”
Ma naqasx li s-Sur Grixti jsemmi kif it-tieni rawnd tal-vouchers tal-mitt ewro mistennija jkomplu jqawwu lil-lukandi f’Malta u Għawdex wara s-sebgħa ta’ Ġunju li ġej, kif anke għamlu s-sena li għaddiet.
Id-Direttur Maniġerjali qalilna li bħala lukanda jinsabu preparati ferm, anke wara li ġew rilaxxati r-ristrezzjonijiet b’rabta mal-gyms, pixxini, ristoranti u anke bars, għaliex pajjiżna wkoll kellu programm b’saħħtu ta’ tilqim kontra l-Covid-19.
Qal, “Ġunju huwa tajjeb ix-xogħol huwa ovvjament ix-xogħol huwa bilmod u lanqas irridu li x-xogħol jidħol f’daqqagħax aħna rridu nagħmlu re-start. Aħna ppreparati u għandna gwidi biex nimxu magħhom u biex in-nies u l-ħaddiema jħossuhom safe.”