Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li l-Partit Nazzjonalista għamel konferenza tal-aħbarijiet fuq rapport f’gazzetta biex jitkellem dwar sistema ta’ ħruġ ta’ kontijiet li daħħal hu stess fl-elfejn u disgħa meta kien fil-Gvern, u li baqgħet l-istess minn dak iż-żmien.
Żied li bħas-soltu, Bernard Grech għażel li jitkellem fuq dak li mhux konkret. Tant hu hekk, li minn dak irrapportat fil-gazzetti, l-Awditur Ġenerali ħejja biss abbozz li jista’ jinbidel għax jonqsu biex ikun finali.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista qal li l-familji Maltin u Għawdxin jafu li l-unika bidla li għamlet din l-amministrazzjoni kienet dik ta’ 25% roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li fissret aktar minn nofs biljun ewro fil-bwiet tal-familji, u li taħt dan il-Gvern illum, il-Maltin qed igawdu fost l-orħos kontijiet fl-Ewropea.
Il-Partit Laburista qal li l-Maltin għandhom rashom mistrieħa minn kontijiet irħas u stabbli.
“Il-Maltin jafu li l-uniku differenza mil-lum hi li dakinhar, Gvern Nazzjonalista kien għabba lill-poplu Malti bl-ogħla tariffi biex tefa’ fuq in-nies il-piż ta’ riċessjoni u llum għandna Gvern li f’pandemija mhux biss għen in-nies f’kull settur iżda żammilhom fost l-orħos kontijiet fl-Unjoni Ewropea”, qal il-Partit Laburista.
L-istqarrija temmet tgħid li huwa biss dan il-Gvern li għandu l-kredenzjali biex ikompli jindirizza l-problemi li ħalla warajh Gvern Nazzjonalista fis-settur tal-enerġija.