Il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi l-OLAF, illum ikkonfermaw li Malta miexja fit-triq it-tajba fl-immaniġjar tal-fondi Ewropej u għandha fost l-anqas rati ta’ żbalji fl-għoti tal-fondi fost l-istati membri kollha.
Kien il-Partit Popolari Ewropew li fih hemm Roberta Metsola u David Casa, li f’kumitat fil-Parlament Ewropew rreferew għall-possibiltà ta’ misapproprijazzjoni ta’ fondi Ewropej f’Malta.
L-OLAF u l-Kummissjoni Ewropea mhux talli qalu li Malta għandha fost l-anqas żbalji fil-Fondi Ewropej mill-istati membri kollha, iżda li saħansitra, pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ risposti għal kull mistoqsija li saret mill-istituzzjonijiet Ewropej, fejn Malta imxiet ma’ kull rakkomandazzjoni tal-OLAF fil-każijiet kollha.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li din hija turija ċara li dan ma kien xejn għajr attentat mill-Partit Nazzjonalista biex għal darba oħra jpoġġi l-lenti fuq Malta.
Dan billi l-partit ta’ Bernard Grech jipprova jitfa’ dell ikrah fuq il-pajjiż, minkejja li l-istituzzjonijiet Ewropej kienu ċari f’diskorshom, li minn dak li qalu l-Ewro-Parlamentari Nazzjonalisti ma kien hemm xejn.
Il-Partit Laburista saħaq li issa l-poplu Malti xeba’ mill-mod kif il-Partit Nazzjonalista jipprova jitfa’ dell ikrah fuq pajjiżna fl-istituzzjonijiet Ewropej u jagħmel minn kollox biex ittellef il-fondi lil pajjiżna.
Għall-kuntrarju, Gvern Laburista juża l-fondi Ewropej għall-benefiċċju tal-familji u n-negozji Maltin.
Fil-fatt Malta mhux talli m’għandiex dellijiet fuq l-użu tal-fondi Ewropej, talli f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea s-sena l-oħra, kien ġie nnutat li Malta qed tinvesti l-fondi b’rata aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea kollha.
F’Lulju tas-sena l-oħra, il-Prim Ministru Malti Robert Abela kien kiseb l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej għal Malta waqt summit intensiv bejn il-mexxejja Ewropej iżda l-Partit Popolari Ewropew, b’Simon Busuttil Segretarju Ġenerali tal-grupp fil-Parlament Ewropew imbotta dibattitu kontra Malta u l-użu tal-fondi Ewropej billi juża l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-kumitat fi ħdan il-Parlament Ewropew ġie diskuss l-użu ta’ fondi Ewropej fir-Repubblika Ċeka, pajjiż fejn il-Gvern tiegħu għandu ħafna swaba’ ppuntati lejh dwar l-użu ħażin ta’ fondi Ewropej.