Għaqdiet tal-Armar tal-Festi jistgħu japplikaw għall-fondi li ġew imnedija t-Tlieta waranofsinhar mill-Kunsill Malti għall-Arti. Permezz ta’ dan l-investiment li jlaħħaq il-€150,000 numru ta’ għaqdiet tal-armar fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna jistgħu japplikaw biex fost oħrajn jixtru bandalori, festuni u pavaljuni li jżejnu t-toroq fil-ġimgħa tal-festa.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall tenna li l-finanzi miġbura mill-għaqdiet kienu limitati wkoll, u għalhekk permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet jistgħu jkomplu bix-xogħol tagħhom.
Huwa qal, “Hija sengħa li Alla ħares tmut għax inkella nkunu qed nonqsu mill-kulur tal-identità Maltija u allura flus li jingħataw f’dan is-settur f’dan il-qasam huma biex intejbu l-kwalità tax-xogħol ta’ dawn l-artisti u biex nagħtuhom skop ħalli jkabbru l-industrija tagħhom għax hija wara kollox industrija popolari.”
Is-Sur Marshall sostna wkoll illi xogħol il-voluntiera ma jieqafx, anke jekk għal din is-sena mhux se jsiru l-festi.
Fl-indirizz tiegħu f’konferenza tal-aħbarijiet f’Sant Iermu, l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Josè Herrera semma kif din l-iskema hija parti minn kullana ta’ skemi oħra li gawdew minnhom għaqdiet li jorganizzaw il-festi fl-ibliet u rħula.
Din l-iskema inħarġet għat-tieni sena konsekuttiva, fejn fl-ewwel skema madwar ħamsa u tletin għaqda gawdew minn dawn il-fondi.
Il-Ministru Herrera sostna: “L-iskop tal-iskema wessagħnieha ħafna, jiġifieri kważi anke xogħol strutturali fil-każini f’dawn it-tip ta’ clubs jistgħu jibbenefikaw għalih, jiġifieri kull ħaġa immaġinabbli li għandha defenizzjoni kulturali jistgħu japplikaw għalih.”
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema, li jistgħu jiġu aċċessati mis-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti, se jagħlqu fit-2 ta’ Lulju.