Tletin persuna b’diżabilità li minħabba l-pandemija ma setgħux jibqgħu jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum tal-Aġenżija Sapport, ingħataw tablet u internet b’xejn f’darhom sabiex jibqa’ jkollhom aċċess għat-teknoloġija u fl-istess ħin ikomplu jintegraw mas-soċjetà b’mod virtwali.
Dan propju tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, fejn ġie spjegat li b’investiment ta’ ħdax-il elf ewro minn Aġenzija Residenza Malta, dawn il-persuni b’diżabilità se jkunu jistgħu jsegwu wkoll sessjonijiet virtwali mħejjija miċ-ċentri li s-soltu jmorru fihom.
Fiċ-ċentru Skills Space f’Tas-Sliema, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet kif dan l-investiment se jkompli jsaħħaħ il-ħiliet ta’ dawn il-persuni anke fejn tidħol l-inklużjoni.
Il-Ministru Farrugia stqarret: “Meta nitkellmu fuq inklużjoni wkoll anke fil-mod ta’ kif numru ta’ residenti tagħna jibqgħu għaddejjin bl-iskils u tagħlim kollu anke jekk għadhom vulnerabbli u ma jistgħu jattendu fiċ-ċentri tagħna.”
Min-naħa tiegħu Alex Muscat tenna kif il-flus li ġejjin mill-programm ta’ residenza qed jaslu għand in-nies.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal, “Il-programmi ta-residenzi tagħna għalhekk qegħdin biex minn banda joħolqu l-ġid u min-naħa l-oħra jasal direttament fil-komunitajiet tagħna fejn l-aktar li hemm bżonn. Infatti llum qed inħabbru għotja ta’ ammont ta’ tablets u internet b’xejn biex l-adoloxxenti bi bżonnijiet spċjeali jkomplu bl-edukazzjoni tagħom lil hinn miċ-ċentri.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Sciberras u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta Charles Mizzi, li t-tnejn innutaw il-bżonn ta’ investiment simili għall-persuni b’diżabilità fi żminijiet biex ikomplu jiżviluppaw f’ħajjithom.