Il-kumpanija Gozo Fast Ferry Ltd ħarġet in-nollijiet tagħha għas-servizz tal-fast ferry bejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex u l-Port il-Kbir.
Mill-1 ta’ Ġunju se tkun tista’ tuża s-servizz tal-Gozo Fast Ferry Ltd bi prezz bejn €3.99 u €7.99.
Fil-fatt tfal bit-tal-linja card tat-tfal iħallsu €3.99 għal vjaġġ bir-ritorn, l-Għawdxin iħallsu €4.50 għal vjaġġ bir-ritorn u dawk l-adulti bit-tal-linja card iħallsu €7.99 għal vjaġġ bir-ritorn.
Il-passiġġieri jistgħu jtellgħu r-rota mingħajr ma jħallsu iżjed u l-katamaran jesa’ tliet mitt passiġġier u huwa aċċessibbli anki għal persuni fuq siġġu tar-roti.
Il-katamaran li jwasslek f’inqas minn tliet kwarti minn Għawdex għal Belt jitlaq mill-Imġarr bl-ewwel vjaġġ fis-sitta neqsin kwart ta’ filgħodu matul il-ġimgħa u fi tmiem il-ġimgħa jew festi pubbliċi jitlaq fis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu.
L-aħħar vjaġġ kemm mill-Imġarr fost il-ġimgħa u anki fi tmiem il-ġimgħa jew btajjel pubbliċi huwa f’nofsillejl neqsin kwart.
Imbagħad mill-kapitali lejn Għawdex, l-ewwel vjaġġ fost il-ġimgħa huwa fis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħodu u fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi, fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu.
L-aħħar vjaġġ mill-Belt imbagħad f’kull jum huwa fis-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu.